Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Jien bdejt niġri madwar seba’ snin ilu. Sentejn qabel kont bdejt ftit attivitá sportiva, OCR, li tinkludi l-ġiri peró mbagħad iddeċidejt li nibda niġri għax irrealizzajt li dak huwa l-isport li l-aktar inħobb u jagħtini sodisfazzjon. Il-ġiri huwa l-passjoni tiegħi u dak l-isport li għenni nikseb il-kunfidenza fija nnifsi. Marija qabel bdiet tiġri hija Marija kompletament differenti minn dik li hi llum.
X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibt fil-‘Gozo Run’ (‘Ġirja ta’ Għawdex’) proprju f’għeluq sninek?
Jien għamilt it-tellieqa tal-għaxar kilometri u din kienet l-ewwel darba li ħadt sehem. Kuntenta ħafna bir-riżultat li ksibt għax kulħadd beda jgħidli li hija tellieqa diffiċli mimlija tlajja. Peró, jiena xtaqt nipprovaha u ma jiddispjaċinix għax kompliet issaħħaħni mentalment bħala atleta. Iva parti milli ddeċidejt li nagħmilha għax kelli għeluq snini u għidt jien ma nistax niċċelebra għeluq snini isbaħ milli nagħmel tellieqa la dik il-passjoni tiegħi u kienet esperejnza sabħa ħafna għax apparti li rbaħtha, ir-rotta hija sabiħa.
X’suċċessi maġġuri oħrajn ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Ħadt sehem f’diversi tlielaq ta’ ħames u għaxar kilometri f’Malta u ġieli ġejt l-ewwel, it-tieni u t-tielet post. Peró, jiena l-iktar distanza favorita tiegħi hija n-nofs maratona s’issa u f’dawn l-aħħar sentejn ħadt sehem fi tlieta barra minn Malta u oħra f’ Malta. Dik li għamilt Valencia fi Spanja tibqa’ l-iktar waħda għal qalbi. F’dik it-tellieqa għandi l-aħjar ħin ta’ nofs maratona tiegħi li huwa 1:24:12 u kont ipplejsjat bħala t-78 mara minn 6528 mara. Tellieqa li ma ninsiha qatt. Din is-sena f’ Malta għamilt in-Nofs Maratona ta’ La Vallette u pplejsjajt bħala t-tielet mara ‘overall’.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li l-livell huwa wieħed tajjeb. Għandna diversi atleti li huma dedikati u ‘committed’ fl-isport u nemmen li fil-futur inkunu ħafna aħjar.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Bħala postijiet ta’ taħriġ f’pajjiżna, aħna ftit limitati għax trakki ma tantx hawn minn fejn tagħżel apparti li huma bil-ħlas. Fl-atletika, ftit huma n-nies li jkollhom sponsors u allura ngħid għalija jien naħdem ‘extra’ biex inkun nista’ nlaħħaq mal-‘commitment’ li għandi bżonn biex inżomm dan l-isport fuq livell kompetittiv.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Jiena bhala atleta nippreferi d-distanzi t-twal. Bħalissa qed nagħmel dawk li jgħidulhom ‘super halfs’, li huma sitt nofs maratoni f’pajjiżi differenti. S’issa lestejt tlieta u din is-sena nagħmel oħra. Jekk Alla jrid sa nofs is-sena d-diehla nlesti tnejn li jkun baqagħli u lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla nixtieq nipprova maratona.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
L-atletika huwa sport sabiħ ħafna … jagħtik skop sabiħ għaliex tgħix. Iżommok motivat u jgħinek tibni hafna dixxiplina personali. Iżommok ‘il bogħod minn vizzjijiet koroh u anke jgħinek fis-saħħa mentali, fiżika u psikoloġika tiegħek. Jien fil-fatt dejjem ngħid ‘kemm nixtieq li bdejt dan l-isport meta kont iktar żgħira imma fil-ħajja qatt m’hu tard’!