Tuesday, April 23, 2024

Mark Gatt isejjaħ 24 player għal kontra l-Montenegro u l-Bosnja-Herzegovina

Aqra wkoll

It-team nazzjonali tan-nisa ta’ Malta se jerġa’ jibda bl-impenji tiegħu fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-FIFA 2023 hekk kif se jiffaċċja lill-Montenegro (renkjati fit-72 post) u lill-Bosnja-Herzegovina (renkjati fil-61 post). Fis-26 ta’ Novembru, Malta se tospita lill-Montenegro fis-Centenary Stadium (kick-off: 7pm). Wara din il-logħba, it-team ta’ Mark Gatt se jivvjaġġa lejn il-Bosnja-Herzegovina fejn se jaffronta lil dan it-team fit-30 ta’ Novembru (kick-off: 1pm).

Għal dan id-double header, il-coach Gatt sejjaħ 24 player li se jiffurmaw it-team nazzjonali.

Filwaqt li żamm fiduċja fil-biċċa l-kbira tal-players li ffurmaw it-team fit-tieqa internazzjonali preċedenti, Gatt laqa’ lura wkoll lil xi players importanti jiġifieri lill-goalkeeper Janice Xuereb u lill-attakkant Haley Bugeja li kienu assenti fl-aħħar logħbiet minħabba injury.

Xuereb se tkun qed tingħaqad mad-dipartiment tal-goalkeepers kompost minn Patricia Ebejer ta’ Mgarr United, li lagħbet fl-aħħar tliet logħbiet ta’ Malta, u Jodie Attard ta’ Swieqi United.

Fid-dipartiment difensiv, il-leaders tal-kampjonat Malti Birkirkara huma rappreżentati minn Stephania Farrugia, Ann-Marie Said, Gabriella Zahra u Charlene Zammit. Mġarr, li qed jaqsmu l-ewwel post tal-kampjonat ma’ Birkirkara, għandhom lid-difensur Maia Debono. Swieqi għandhom tliet players jiġifieri Jessica Dimech, Jade Flask u Jade Schembri filwaqt li Nicole Sciberras tat-team Taljan Tavagnacco hija l-uniku difensur ibbażata barra minn Malta.

Id-duo bbażati fl-Italja Emma Lipman (Como Women) u Rachel Cuschieri (Lazio Women) jingħaqdu mal-midfielders flimkien ma’ Alishia Sultana u Veronique Mifsud ta’ Birkirkara, u t-trio ta’ Swieqi – Emma Xuereb, Shona Zammit u Dorianne Theuma.

Fl-attakk, Bugeja ta’ Sassuolo li se tirritorna mal-ex sħabha tat-team ta’ Mġarr Brenda Borg u Francesca Chircop. Fl-iskwadra ssejħu wkoll Maria Farrugia (Sunderland Ladies) u Ylenia Carabott (Keynsham Town Ladies), li t-tnejn jilagħbu fl-Ingilterra.

Malta għadha ġejja minn rebħa storika ta’ 2-1 fuq l-Ażerbaigan ix-xahar li għadda, hekk kif issa tinsab fir-raba’ post b’erba’ punti. Il-punt preċedenti nkiseb fil-partita kontra l-Bosnja-Herzegovina li ntemmet fi draw ta’ 2-2 f’Settembru.

Il-Montenegro jinsabu fit-tielet post b’sitt punti wara li għelbu lill-Bosnja-Herzegovina u lill-Azerbaigan.

Sport