Sunday, December 29, 2024

Marokkin b’sentenza sospiża wara li nstab f’karavan u ma obdiex lill-Pulizija

Aqra wkoll

Wandeea Danoun, Marokkin ta’ 20 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li daħal fi fi ħwejjeġ ħaddieħor u ma obdiex lill-pulizija.

Il-Marokkin li hu resident Ħal Far kien akkużat li fil-bidu ta’ Awwissu għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor, li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, daħal f’dar fejn joqgħod ħaddieħor u żamm għandu ħwejjeġ misruqa.

Il-prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi qalet li l-akkużat instab f’karavan fl-inħawi ta’ Ta’ Xbiex. Meta l-Pulizija kienu ordnawlu li joħroġ minn hemm ma bedix jikkopera. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li fuqu kellu dokumenti ta’ identità misruqa.

Il-Maġistrat wara li sema’ l-ammissjoni tiegħu sabu ħati tal-akkużi. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu u anke l-fedina penali netta li għandu. Il-Qorti qalet li din kienet l-ewwel darba li xellef subgħajh mal-ġustizzja u għalhekk hija tal-fehma li piena ta’ ħabs effeettiva ma tilħaqx l-għan meħtieġ li l-imputat jirriforma ruħu.

Għalhekk ġie kkundannat 8 xhur ħabs sospożi għal sentejn u multa ta’ €800. Hija ordnatlu jħallas €676 f’danni.

Ekonomija

Sport