Saturday, November 16, 2024

Martin Zubimendi jirrifjuta lil Liverpool

Aqra wkoll

Il-midfielder internazzjonali Spanjol ta’ Real Sociedad, Martin Zubimendi, irrifjuta li jingħaqad ma’ Liverpool hekk kif ir-Reds huma l-uniku club fl-aqwa ħames kam­pjonati madwar l-Ewropa li għadhom ma ffirmaw lil ebda player. 

Mal-wasla tiegħu, il-coach il-ġdid Arne Slot, għamilha ċara li jrid midfielder difensiv biex isaħħaħ iż-żewġ setturi tad-difiża kif ukoll ta’ nofs il-ground. 

Kien mistenni li Zubimendi, li kellu klawsola ta’ rilaxx ta’ £51 miljun fil-kuntratt tiegħu, jitlaq lill-club ta’ La Liga u jmur jilgħab fil-Premier League mar-Reds. 

Madankollu, Sociedad kienu ddisprati li jżommu lil Zubimendi … u issa l-player ta’ 25 sena għażel li jibqa’ mal-club Bask wara li ġie offrut kuntratt ġdid b’salarju aktar għoli. 

Wara dan il-falliment, wieħed irid jara l-mossa li jmiss ta’ Liverpool hekk kif jumejn oħra jibda l-Premier League filwaqt li fadal 17-il ġurnata oħra biex jintemm is-suq tat-trasferimenti. 

Bħala alternattiva f’dik il-pożizzjoni, Slot jista’ jsejjaħ lil Ryan Gravenberch, Curtis Jones, Alexis Mac Allister, Dominik Szobozslai u Wataru Endo, filwaqt li d-difensur lemini, Trent Alexander Arnold, kien ukoll użat ta’ spiss f’dak ir-rwol taħt ir-responsabbiltá tal-predeċessur tiegħu, Jurgen Klopp, fl-istaġun li għadda.

Sa nhar it-Tnejn filgħaxija, Liverpool kienu taħt l-impressjoni li Martin Zubimendi ried iħalli lil Real Sociedad. 

Huwa ilu mal-club mindu kellu 12-il sena meta kien jilgħab fl-akkademja.

Iżda mbagħad għamilha ċara ħafna li kien bidel fehmtu. Dan kien minħabba pressjoni mill-club, forsi, iżda wkoll minħabba x-xiri tal-klawsola ta’ £51 miljun.

Fi Spanja, huwa l-player stess li jkun irid jixtri l-klawsola tiegħu. F’dan il-każ huwa jirċievi s-somma kollha mingħand Liverpool biex imbagħad jgħaddiha lill-club. 

Peró Zubimendi kien se jkun intaxxat minħabba li f’għajnejn id-Dipartiment tat-Taxxa, Zubimendi jkun qed jagħmel il-qliegħ. 

Peró, filwaqt li din hija telfa kbira għall-club ta’ Liverpool, hija telfa umiljanti għas-sidien, Fenway Sports Group, il-kap eżekuttiv Michael Edwards u d-direttur sportiv, Ri­chard Hughes. 

Ekonomija

Sport