Max Verstappen tar-Red Bull irreġistra t-tielet titlu mondjali meta spiċċa fit-tieni post tal-isprint race tal-Grand Prix tal-Qatar, li kienet waħda kaotika u mimlija inċidenti.
Tliet karozzi tas-sigurtà ħarġu fuq it-trakka minn sensiela ta’ inċidenti u ħabtiet fejn ħolqu spettaklu drammatiku taħt id-dawl artifiċjali fiċ-ċirkwit ta’ Lusail liema sprint race kienet mirbuħa minn Oscar Piastri tal-McLaren.
Verstappen irkupra tajjeb wara li niżel mit-tielet pożizzjoni fil-grid għall-ħames post fl-ewwel dawra iżda ma setax jilħaq lil Piastri.
Lando Norris tal-McLaren għadda tard lil George Russell tal-Mercedes biex daħal fit-tielet post.
Is-suċċess ta’ Verstappen fil-kampjonat kien ikkonfermat b’mod effettiv meta sieħbu Sergio Perez kien involut f’ħabta li kienet tinvolvi wkoll lil Esteban Ocon ta’ Alpine u s-sewwieq ta’ Haas, Nico Hulkenberg.
Verstappen kellu biss jassigura li ma jitlifx aktar minn ħames punti kontra l-Messikan biex kiseb it-titlu u għalhekk l-irtirar ta’ Perez iddikjara lill-Olandiz champion ta’ din is-sena,irrispettivament mir-riżultat eventwali tiegħu.
Verstappen qal lit-team tiegħu fuq ir-radju: “Ma nafx x’għandi ngħid. Sena inkredibbli. Grazzi talli pprovdejtuli karozza bħal din. Kien ta’ pjaċir għalija naħdem magħkom.”