Il-Bank MeDirect huwa l-isponsor ewlieni tal-Kategorija Open Developers waqt CodeSprintMT li hi l-akbar sfida ta’ coding f’Malta. CodeSprintMT ser isseħħ aktar tard dan ix-xahar. Imniedi fl-2018 bħala konkors ta’ coding għal studenti li jistudjaw l-informatika fl-iskejjel sekondarji, l-avveniment issa kiber f’kampjonat nazzjonali ta’ coding b’kategoriji addizzjonali għal studenti post-sekondarji u kategorija miftuħa għal studenti li għadhom ma ggradwawx, dawk gradwati u software developers stabbiliti.
Chris Portelli, Chief Technology Officer ta’ MeDirect, qal “Kompetizzjonijiet bħal CodeSprintMT huma opportunità kbira għal software developers, kemm għal dawk li għadhom qed jitgħallmu u anke għal dawk li diġa’ għandhom esperjeza fis-settur, biex itejbu l-ħiliet tagħhom. Minbarra li hija opportunità kbira ta’ tagħlim, CodeSprintMT toħloq ukoll ambjent fejn mijiet ta’ żgħażagħ jistgħu jieħdu pjaċir li jkunu parti minn komunità li jaħsbuha l-istess. Bħala l-ewwel bank diġitali b’ambizzjonijiet li jespandi aktar in-negozju tiegħu ta’ WealthTech madwar l-Ewropa, huwa interessanti għalina li naraw tant żgħażagħ jakkwistaw għarfien espert fl-iżvilupp tas-software u lkoll ħerqana li naraw xi proġetti kbar joħorġu waqt il-kompetizzjoni.”
L-għan ewlieni fil-kategoriji kollha tal-kompetizzjoni fi ħdan CodeSprintMT, huwa li jiġu ttestjati l-ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi kemm komputazzjonalii, kif ukoll programmazzjonali tal-parteċipanti. Ix-xogħol tal-parteċipanti jiġi ġġudikat skont sett ta’ kriterji ta’ valutazzjoni bbażati fuq il-funzjonalità u l-effettività tal-proġett.
Il-kontestanti fi ħdan il-kategorija miftuħa se jkollhom maratona ta’ coding ta’ 8 sigħat. L-aqwa tliet parteċipanti f’CodeSprintMT se jiġu ppremjati bi programmi ta’ studju prestiġjużi u opportunitajiet ta’ konsulenza, immirati biex javvanzaw il-ħiliet tagħhom għal livell ta’ klassi dinjija. Barra minn hekk, huma se jirċievu premju fi flus bħala parti mir-rikonoxximent mistħoqq lilhom.
CodeSprintMT hija organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport, Riċerka u Innovazzjoni flimkien ma’ ICE Malta. Josmar Borg, Education Officer Computing fi ħdan il-Ministeru, u l-koordinatur tal-kompetizzjoni, qal “Li tara organizzazzjonijiet bħal MeDirect japprezzaw il-valur ta’ kampjonat nazzjonali tal-coding u jieħdu d-deċiżjoni li jinvestu f’dan l-avveniment hija validazzjoni kbira tal-isforzi tagħna biex inkomplu navvanzaw meta niġu għat-tagħlim u t-titjib tal-ħiliet tal-kompjuters u l-iżvilupp tas-software development f’Malta. Bħala msieħba fil-progress ekonomiku ta’ Malta, aħna impenjati li nagħmlu l-CodeSprintMT ta’ din is-sena suċċess saħansitra akbar minn qabel.”
Aktar informazzjoni fuq CodeSprintMT tinsab fuq https://codesprintmalta.edu.mt/ Il-kompetizzjoni se ssir fil-15 ta’ Lulju fil-bini ta’ ICE Malta. Din se tkun segwita minn sessjoni VIVA għall-aqwa 5, fid-19 ta’ Lulju. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fejn se jitħabbru l-aqwa 3 rebbieħa fil-kompetizzjonijiet kollha ser issir fit-22 ta’ Lulju.