Sunday, November 24, 2024

Medja ta’ tliet familji fil-ġimgħa jiġu affetwati minn nirien f’residenza

- Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bħalissa l-iktar ta’ periklu huma xemgħat u siġar tal-Milied u dwal tagħha. Bħala medja jaqbdu tliet residenzi f’ġimgħa u din hija xi ħaġa li dejjem xtaqna nnaqqsu għax għandek tliet familji affettwati.”

Iddikjara dan ma’ dan is-sit, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro f’intervista li fiha tkellimna dwar il-ħidma tagħhom u l-bżonn ta’ aktar miżuri li jnaqqsu r-riskji tal-inċidenti b’mod speċjali f’dawn il-jiem ta’ festi. 

Coleiro qalilna li fi blokka ta’ appartamenti r-riperkussjonijiet ma jkunux fuq il-familja milquta biss minħabba ħsara fil-binja bħalma huwa l-komun. Beda biex jispjegalna li bħala pumpiera fuq il-post iridu jaraw li ma jkunx hemm nies fil-periklu u għalhekk waqt evakwazzjoni, f’każ li ħadd ma jirrispondi mill-appartament bin-numru wieħed, huma ma jistgħux joqogħdu fuq l-ipotesi li qegħdin barra. 

“92 fil-mija ta’ persuni li jmutu fin-nirien ma jkollhomx kuntatt dirett man-nirien imma jkun id-duħħan li jikkawża l-mewt tagħhom. Fejn is-seklu l-ieħor kellek ħafna affarijiet naturali, illum id-duħħan huwa iktar tossiku u nifs wieħed jista’ jkun biżżejjed biex kważi tintilef minn sensik u l-ġisem se jipprova jikkumpensa billi jieħu nifs ikbar u jispiċċa joqtol lilu nnifsu”, żied jgħidilna Coleiro.

Bħala dipartiment huma jkollhom sejħa biex jintervjenu fuq madwar 7,000 inċident fis-sena. Aktar kemm tikber il-popolazzjoni, jikber ir-riskju li xi ħaġa tmur ħażin. Il-probabbiltà li jkollok inċident fi blokka ta’ appartamenti hija ikbar minn dar li fiha tgħix familja waħda. 

“Hemm ħafna affarijiet li ma nagħtux kashom. Għalkemm ċertu affarijiet għandek ir-riskju li jikkawżawlek inċident, dawk li jibqgħu jintużaw għal snin sħaħ mingħajr ma ssirilhom it-tiswija li jkollhom bżonn għandek riskju ikbar li jkollok inċident”, kompla jgħidilna filwaqt li spjega li għalkemm jifhem li hemm ċertu spejjeż involuti, hija talba fir-rakkomandazzjonijiet tal-oġġett li jittieħdu ċertu miżuri.  

It-teknoloġija ġabet bżonn ta’ investiment kontinwu

L-investimenti li saru huma kbar imma hemm sfidi ġodda li deħlin. Huwa spjega li sakemm Malta kienet toħroġ permess sa tliet sulari b’żewġ vetturi bħalma huwa t-turn table ladder kienu biżżejjed, iżda llum li għandek permessi anke ta’ ħames sular, bħala dipartiment qegħdin jitolbu għal iktar.

Huwa qalilna li barra minn hekk, it-teknoloġija tal-lum tirrikjedi li jkollok aktar vetturi. Qalilna li l-ammont ta’ tekonoloġija li sar fihom, kemm bħala vetturi u anke l-apparat li jużaw, iżidu r-riskju li ħsara ta’ xi ħaġa żgħira twaqqaflek l-operat tal-vettura.

Qalilna li llum l-vetturi tat-tifi tan-nar huma mgħammra b’apparat li mhux biss jgħinek tasal fuq il-post aktar malajr u b’inqas periklu, iżda anke ladarba tibda l-ħidma billi fost l-oħrajn saħansitra l-pompi f’kuntatt mal-control room li jwissu li hemm ċans li l-ilma ma jservix u għalhekk ikunu jistgħu jintervjenu aktar vetturi.

Qabel dan kollu kien ikun responsabbiltà ta’ pumpier li jkun qiegħed imexxi l-operazzjoni fejn b’kapaċità msejsa fuq esperjenza kbira kien jikkalkula kemm ikun baqa’ ilma fil-vettura u jekk jara l-bżonn isejjaħ hu għal aktar assistenza.

“Fejn qabel bħala dipartiment konna nistrieħu fuq żewġ vetturi. Illum qegħdin nirrikjedu li jkollna mill-inqas tlieta. Illum sempliċiment kompjuter tal-pompa, jew xi sensor iwaqqaflek l-operat tagħha kollha”, kompla biex jispjega dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-avvanz teknoloġiku fejn jidħlu l-vetturi tat-tifi tan-nar.

Fejn jidħlu binjiet ikbar bħalma huma multi occupancy buildings jew high rise buildings għandek riperkussjonijiet ikbar għax it-tendenza hija li n-nar jitla ’l fuq. Spjegalna li sempliċi barmil taż-żibel li jieħu n-nar u sular sħiħ, għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, dak huwa każ maġġuri minnufih. 

Qalilna li bħala dipartiment għandhom mapep għal dawn il-binjiet kbar li jkunu mifruxin fuq il-bini li jkun hemm mad-dawra. Saħaq li din mhijiex ħidma tagħhom biss u li l-entitajiet l-oħra huma kruċjali biex il-ħin tal-wasla jkun minimu.

Spjegalna li għall-pumpier li qiegħed iġorr vettura kbira b’ammont sostanzjali ta’ ilma, li uffiċjali ta’ Transport Malta jressqu vetturi li jkunu qegħdin jostakolawlu t-triq tista’ tfisser bidla fl-eżitu mal-wasla fuq il-post.

Bħala Pulizija, Coleiro qalilna li normalment huma jkunu minn tal-ewwel fuq il-post u jkunu laħqu ġabru l-ewwel informazzjoni li tkun tista’ tagħtihom stampa ċara minnufih ta’ kif bħala pumpiera għandhom joperaw.

Mistoqsi dwar kemm aħna preparati bħala pajjiż għal inċidenti f’dawn il-binjiet kbar, Coleiro qalilna għalkemm kellna inċidenti fihom li kienu kontrollati anke grazzi għal miżuri ta’ kontinġenza anke imposti bil-liġi, tajjeb li noħolqu kuxjenza li l-akbar ammont ta’ każi jinvolvu affarijiet li kull wieħed u waħda minna nistgħu nagħmlu aħjar.

“Ejjew nitkellmu fuq xi ħaġa sempliċi. Min qatt ma ħaraq toast? Ir-riħa ara kemm iddum. Immaġina issa xi residenza li tinħaraq. Jinqerdu mhux  biss l-affarijiet materjali li nixtru bil-flus, imma anke r-rikordji tal-familja”, kompla Coleiro.

Poloz ta’ assigurazzjoni huma tajbin imma …

Dwar liema huma l-aktar każi li ma nikkalkulawx bħala perikolużi, Coleiro qalilna li hawn ħafna li f’dawn iż-żminijiet iħobbu jaħdmu bil-laptop fuq sodda. Dan jew jisħon jibda jnaqqas mis-saħħa tiegħu għax ikunu qegħdin ibatu l-ventijiet tiegħu, jew saħansitra li jaqbad. 

Xi ħaġa li nużaw ta’ kuljum bħalma huma l-washing machine jew makkinarju ieħor li jirrikjedu li jingħataw service minn żmien għal żmien jitħallew jaħdmu waqt li ma nkunux fir-residenza tagħna u għandek numru ta’ inċidenti katastrofiċi li jistgħu jvarjaw minn pajp tal-ilma li jagħmillek straġi sħiħa jew saħansitra residenzi li jinbidlu f’ħuġġieġa nar.

Huwa kien ċar li filwaqt li l-poloz tal-assigurazzjoni huma utli ħafna, dawn meta tiġi bżonnhom mhux se tfaqqa’ subgħajk u jiġu bil-flus għax warajhom hemm investigazzjonijiet sħaħ li jiddistingwu inċidenti minn każi ta’ ingann fejn dak li jkun jista’ jinqabad jagħmel intenzjonalment b’irresponsabbiltà li tista’ toħloq periklu kbir għal persuni oħra.

Fejn jidħlu inċidenti abbinati max-xitwa, id-Direttur Ġenerali qalilna li normalment ċertu kumditajiet jinbidlu f’inċident minħabba nuqqas ta’ responsabbiltà minn min jużahom. Kellimna dwar l-eletric blanket li għalkemm tista’ tkun komda, issib min iħalliha xhur sħaħ mitwija taħt affarijiet tqal fil-filaments mgħawġin.

Qasam magħna esperjenza personali ta’ mara li kienet qiegħda tixtri quddiemu u li għalkemm ma jħobbx iħallat il-ħajja personali ma’ dik professjonali, ma tahx ma jkellimhiex.

Din il-mara marret tixtri sett bozoz għax is-siġra tal-Milied tagħha kellha l-bozoz minnha nfisha jixegħlu abjad u kkulurit u dak li x’aktarx kien fault kien wassal għal nofshom biex ma jixegħlux. Qalilna kif il-mara bdiet tispjega lil tal-ħanut x’kien ġara u li ħasbet li setgħet issolvi l-problema b’sett ieħor imma meta ġiet mistoqsija kemm kellha żmien din is-siġra kienet pronta tgħid li madwar 20 sena. 

Miżuri bażiċi jistgħu jsalvawlek kollox

“Fi ftit kliem nistgħu naqsmu l-inċidenti fi tnejn. Dawk li huma inċidenti jistgħu jiġru lil kulħadd bħalma huma li tinsa l-borma fuq in-nar qalb rutina mgħaġġla u oħrajn fejn anke b’nuqqas ta’ għarfien, jitħallew affarijiet li nistgħu nużaw meta nkunu d-dar jaħdmu waħidhom b’riskju li jtellfuna kollox. Sempliċi fire alarm bażika fil-kċina tista’ twissik li hemm periklu waqt li tkun qiegħed fuq il-bejt tonxor il-ħwejjeġ”.

Temm jgħidilna filwaqt li appella għal iktar ħsieb u responsabbiltà li fl-opinjoni tiegħu jistgħu jevitaw ħafna mill-ammont ta’ inċidenti li semmejna aktar qabel u li fl-aħħar mill-aħħar jgħin lid-dipartiment biex jilħaq il-mira tiegħu li inqas familji jgħaddu minn dawn l-esperjenzi koroh matul is-sena.

Sport