Saturday, December 21, 2024

MEDJOKRITÀ

Aqra wkoll

Ħaġa naturali li f’pajjiż ċkejken bħal tagħna r-riżorsi ta’ kull tip ikunu nieqsa jew ftit. Min-naħa l-oħra, bħala pajjiż sovran, irridu nsostnu l-attivitajiet nazzjonali f’xebh ma’ kif pajjiżi akbar iżommu tagħhom għaddejja. Bir-riżorsi akbar li jkollhom, dawn isibuha eħfef u irħas li jmexxu l-ħidma nazzjonali tagħhom.

Din kienet waħda mir-raġunijiet li matul is-snin, numri sostanzjali ta’ nies li għexu f’dawn il-gżejjer kienu jemmnu li ma kienx possibbli tmexxihom b’mod ħieles. Għalkemm din l-isfida ntrebħet, id-dilemmi li qanqluha hemm baqgħu. Għadhom magħna.

Kollox ma’ kollox, sa issa rnexxielna nkampaw għalkemm il-kompromessi ma’ x’għandhom ikunu l-istendards tat-tmexxija tajba baqgħu jitwessgħu, ġieli żżejjed. Lipazzar kien u għadu jsir – imma fiċ-ċirkostanzi wieħed ma jistax jippretendi li jiġri mod ieħor. L-agħar madanollu jkun jekk biex tinżamm il-parenza ta’ tmexxija effettiva naċċettaw il-medjokrità u nagħmluha l-istendard li bih inkejlu għemilna. It-tentazzjoni għal dan dejjem se tkun magħna.

TOQOL AMMINISTRATTIV

Veru li saru avvanzi kbar fit-tmexxija publika biex permezz ta’ sistemi diġitali, iċ-ċittadini jinqdew aħjar u aktar malajr. Għal min ikollu problemi bis-servizzi soċjali li jirċievi jew irid jirranġa dwar ħlasijiet amministrattivi meħtieġa, dan jirrapreżenta progress siewi enormi.

Xorta baqagħlna problemi kbar fit-toqol amministrattiv li jirrigwarda proċeduri fejn jidħlu aktar minn kompetenza waħda jew fejn iridu jiġu mħaddma regolamenti li jirrekjedu għal xi raġuni, l-intervent ta’ aktar minn awtorità waħda. Hawn, f’ħafna każi l-imblokki għadhom qawwija.

Għal xi żmien kienet moda l-għajta ta’ “one stop shop”. Forsi għadha imma żgur mhijiex qawwija daqs qabel. Jeħtieġ terġa’ titqawwa u titferrex ma’ meded usa’ tal-amministrazzjoni publika, mhux l-anqas dik tal-enforcement f’regolamenti ambjentali.

ĠUSTIZZJA SOĊJALI

L-istabbiltà politika f’demokrazija ma tinżammx biss billi l-arranġamenti demokratiċi fit-tmexxija politika jinżammu sħaħ, kif jiġri fostna. Teħtieġ ukoll sistema ta’ ġustizzja soċjali li tassigura trattament ġust u ħanin għaċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk li jkunu l-anqas iddotati b’riżorsi materjali jew li jkollhom bżonn għajnuniet minn għajrhom biex jgħixu ħajja tajba.

Kemm l-arranġamenti politiċi u kemm il-miżuri ta’ ġustizzja soċjali jeħtieġ jibqgħu jiġbdu lejhom l-appoġġ ġenerali taċ-ċittadini jekk l-istabbiltà mixtieqa se tippersisti. Anke f’dar-rigward, jidher li għandna qbil ġenerali favurihom u mhumiex kontestati.

Fuq żewġ fronti li wieħed irid joqgħod attent biex ma jitħallewx dubji jinbtu dwar il-ġustizzja soċjali. L-ewwel wieħed hu dak li jitrażżnu l-abbużi li jistgħu jsiru tal-miżuri li jwettqu s-solidarjetà. U t-tieni hu dak li hekk kif jinfetħu prospetti ġodda ta’ inġustizzja soċjali – żvilupp inevitabbli fi kwalunkwe soċjetà dinamika – dawn jiġu ttrattati.  

Ekonomija

Sport