Wednesday, March 27, 2024

“L-idea li persuna ta’ 18-il sena tista’ taqbad u tixtri ‘armi semiawtomatiċi’ hija mentalità ħażina”

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Joe Biden, fl-aħħar sigħat għamel indirizz lill-poplu Amerikan fid-dawl ta’ dak li ġara fl-iskola primarja fin-naħa ta’ isfel ta’ Texas, fejn inqatlu 19-il tifel u tifla u żewġ adulti.

Biden iddeskriva dak li ġara lbieraħ fl-iskola elementari ta’ Texas bħala “massakru” ta’ tfal innoċenti u kellu kliem ta’ empatija għal dawk il-ġenituri li tilfu lil uliedhom f’dan il-massakru.

Biden fakkar li kien madwar 10 snin ilu meta seħħ massakru fuq l-iskola elementari ta’ Sandy Hook, meta persuna armata qatlet 26 persuna — 20 minnhom kienu studenti tal-ewwel sena. Minn dakinhar ‘l hawn, kompla jgħid biden, kienu rrappurtati iktar minn 900 każ ta’ attakki b’armi tan-nar fuq l-iskejjel.

Huwa saħaq li jeħtieġ illi tittieħed azzjoni. Biden spjega kif matul il-karriera tiegħu bħala senatur u Viċi President huwa ħadem qatigħ sabiex jgħaddu liġijiet dwar l-armi li jagħmlu sens. Għalkemm huwa konxju li dawn il-liġijiet mhux se jwaqqfu t-traġedji għalkollox, permezz ta’ liġijiet bħal dawn ikun hemm impatt pożittiv. Huwa fakkar li meta l-Amerka pprojbixxiet l-użu ta’ armi semiawtomatiċi (magħrufa mill-Amerikani bħala assault weapons), l-isparar fuq massa ta’ nies naqas b’mod drastiku, filwaqt li meta din il-liġi ma baqgħetx fis-seħħ, l-isparar fuq il-massa trippla.

Biden saħaq li “Din l-idea li persuna ta’ 18-il sena tista’ tidħol f’ħanut li jbigħ l-armi u taqbad u tixtri żewġ ‘assault weapons’ hija mentalità ħażina”; ta’ min ifakkar li l-aggressur li wettaq din l-isparatura kellu 18-il sena. Huwa argumenta li ma jara l-ebda użu li wieħed imur jixtri din it-tip ta’ arma, għaliex din l-arma tintuża biex toqtol lil xi ħadd.

Biden sostna li l-Amerikani għandhom isibu l-kuraġġ biex jingħaqdu flimkien u jqumu kontra l-industrija tal-armi li għal dawn l-aħħar 20 sena rreklamat l-“assault weapons”.

Ekonomija

Sport