Minn Cristian Muscat
Kif iltqajt mal-isport tal-badminton?
Huma ħafna li jaħsbu li ilni involuta fil-badminton għal snin twal, pero’, jien bdejt nipprattika l-badminton fl-etá ta’ 18-il sena.
Minn ta’ etá żgħira, kont infittex li nagħmel xi forma ta’ attivitá fiżika u meta bdejt nikber, bdejt nuri x-xewqa li nipprattika xi tip ta’ sport fuq livell kompetittiv. Kont nattendi sessjonijiet ta’ sport differenti għaliex kont indeċiża liem sport nixtieq nibda nipprattika u ta’ 11-il sena bdejt nipprattika l-Basketball li bqajt nitħarreġ u nilgħab fuq livell kompettiv sal-etá ta’ 18-il sena. Għal ħafna raġunijiet u minkejja li kienet deċizjoni diffiċli ħafna, iddeċidejt li nibda sport differenti għal kollox. Kien proprju dan iż-żmien li wassalni biex nibda nipprattika l-Badminton wara li rajt poster fl-Universitá ta’ Malta jirriklama klabb lokali tal-Badminton għaliex f’dan l-istess żmien kont qed nistudja biex insir għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika.
Kif beda l-involviment tiegħek f’dan l-isport?
Hekk kif attendejt għall-ewwel sessjoni tal-badminton bħala plejer, il-kowċ Edmond Abela laqgħani b’idejh miftuħin. Ħeġġiġni biex mhux biss inkompli nipprattika dan l-isport imma anke biex nikkowċja l-badminton u nidħol fil-kumitat tal-istess klabb. Fl-eta’ ta’ 19-il sena ġejt nominata bħala segretarja tal-klabb u qdejt dan l-irwol għal erba’ snin konsekuttivi. Fl-istess żmien bdejt nagħmel xi kowċing mal-istess klabb u anke bdejt naħdem part-time ma’ SportMalta bħala kowċ tal-badminton. Fil-fatt, ilni nikkowcja l-badminton għal dawn l-aħħar seba’ snin.
L-esperjenza fil-qasam amministrattiv bħala segretarja għenitni biex inkabbar il-ħiliet tiegħi f’dak kollu li hemm bżonn biex klabb jiffunzjona. L-imħabba li għandi għall-kowċing u l-badminton inġenerali kif ukoll l-esperjenzi li għandi fuq kull livell, wassluni biex nilħaq l-ambizzjoni tiegħi, dik li nibda u mmexxi akkademja tal-Badminton f’pajjizna. Fl-eta’ ta’ 24 jiena, flimkien ma’ Matthew Abela, li huwa plejer tal-Badminton rinomat f’Malta, tliet snin ilu, fis-sena 2021, bdejna akkademja tal-Badminton li tajniha l-isem ta’ Evolve Badminton Academy. Tista’ tgħid li illum il-gurnata dan l-isport sar parti kbira minn ħajti mhux bħala plejer imma bħala kowċ, amministrazzjoni u dak kollu li ġġib magħha akkademja.
Kif bdiet l-idea li toħloq akkademja tal-badminton?
Kollox beda minn meta bdejt naqdi l-pżzizzjoni tiegħi bħala segretarja ta’ klabb lokali. Hawnhekk kelli l-opportunita’ li nkun viċin mal-ġenituri, mal-kowċis u tal-assoċjazzjoni fejn bdejt nisma’ u nara l-bżonnijiet tal-isport x’inhuma aktar mill-qrib. Kien hawn il-bżonn li l-klabbs f’Malta jattrezzaw ħafna aktar għat-tfal żgħar u jibdew jilqgħuhom aktar fil-badminton u l-idea bdiet kollha minn hemm. Avviċinajt lil Matthew Abela u qsamna flimkien l-ideat u l-ħolm tagħna fil-badminton u proprju Matthew, kellu ambizzjoni simili ta’ tiegħi. U kien proprju minn sempliċiment idea u ħolma li ġiet iffurmata l-akkademja tagħna.
X’kienu l-esperjenzi ewlenin tiegħek bħala player kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna f’dan l-isport?
Għal tliet snin konsekuttivi, attendejt għal training camps fir-Repubblika Ċeka fejn jien flimkien mal-partners tiegħi ġejna fit-tieni post f’tournaments organizzati fl-istess camps. Hadt sehem ukoll f’numru ta’ tournaments organizzati minn Badminton Malta fejn darba minnhom fil-logħba tal-mixed flimkien mal-partner tiegħi ġejna fit-tieni post u darb’oħra fl-ewwel post. Għal tliet snin konsekuttivi, flimkien ma’ tim ta’ plejers ħadt sehem f’tournaments internazzjonali fl-Olanda, fi Franza u l-Italja fejn darbtejn minnhom ħadna l-midalja tad-deheb.
Kif bdiet in-namra tieghek lejn il-kowcing?
Minn ċkuniti dejjem kont noħlom li nsir għalliema u l-logħob tiegħi dejjem kien jinvolvi li ngħallem lill-pupi. Apparti minn dan, minn dejjem kelli għal qalbi l-isport u b’hekk ix-xewqa tiegħi kienet li nagħmel xi ħaġa li tolqot lit-tnejn – dik li nsir għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika. Fl-eta’ ta’ 16-il sena ġietni l-ħajra li nagħmel xi xogħol volontarjat ta’ assistant coach f’entitá li dak iż-żmien kienet tissejjaħ Kunsill Malti għall-Isport (illum SportMalta) u kien f’dan il-perjodu fejn ikkonfermajt li nixtieq inkompli nagħmel dan ix-xogħol – dak li naħdem ma’ tfal f’ambjent ta’ sport. Minn hemmhekk komplejt nistudja u gradwajt fil-Masters in Teaching and Learning fejn komplejt inkabbar il-ħiliet tiegħi f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ tagħlim. Fl-istess żmien għamilt ukoll kors tal-Badminton World Federation Level 1 li huwa bidu ta’ kors li jwassal għall-ogħla kors ta’ kowċ tal-badminton. Minn hemmhekk komplejt nikkowċja fi klabb li kont nipprattika fih u kelli anke l-opportunita’ li għal żmien qasir nikkowċja l-grupp tal-Foundations tan-Nazzjonal. Illum il-gurnata, nikkowċja fl-akkademja, Evolve Badminton Academy, li ħloqt u mmexxi jiena stess.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ.
L-akkademja ta’ Evolve Badminton Academy hija miftuħa għal kulħadd u għalhekk tilqa’ tfal minn eta’ bikrija ta’ sitt snin sa adulti. Jiena normalment nikkowcja t-tfal fejn is-sessjonijiet tiegħi jiffukaw li jiżviluppaw il-ħiliet fundamentali bħal kordinazzjoni, aġilitá u ħeffa filwaqt li fl-istess waqt nintroduċi l-bażi tal-logħba tal-badminton. Hawnhekk jitgħallmu eżerċizzji sempliċi tal-badminton bħalma hi t-teknika bażika tal-qbid tar-racket, il-modi differenti kif tolqot is-shuttlecock u nwassalhom biex iqabbżu s-shuttlecock minn fuq ix-xibka billi jużaw ħiliet diversi. L-isfida hawnhekk tkun biex l-introduzzjoni tal-isport tkun dejjem f’forom ta’ logħob biex ovvjament lit-tfal iż-żgħar iżżommhom dejjem iffukati u mmotivati. Sfida oħra tkun l-aktar fil-kordinazzjoni tal-għajn mal-id biex tkun tista’ tolqot is-shuttlecoack bir-racket, fejn għall-ewwel dan jista’ jkun kemmxejn diffiċli. Huwa importanti li hawnhekk dejjem tibqa’ tfaħħar u timmotiva lit-tfal għaliex jaf ikun detriment għalihom meta ma jibdewx jolqtu s-shuttlecock. L-irwol tiegħi bħala kowċ huwa dak li nibni fondazzjoni tajba tal-isport fit-tfal, nibni relazzjoni tajba magħhom u nittrażmetti mħabba, determinazzjoni u impenn lejn l-isport minn eta’ żgħira.
X’jirrikjedi biex tikkowċja tfal tant żgħar, u x’inhu s-sodisfazzjon tiegħek bħala kowċ?
Biex tikkowċja lit-tfal żgħar trid ħafna paċenzja għaliex ir-repetizzjoni hija fundamentali biex it-tfal jibdew jidraw ċerti ħiliet. Il-badminton jinvolvi ħafna teknika allura jaf ikun kemmxejn diffiċli għall-bidu biex it-tfal jibdew jagħmlu saħansitra l-iktar affarijiet bażiċi f’dan l-isport. Xi drabi jkolli saħansitra nbiddel is-sessjoni li jkolli ppjanata għaliex ikun hemm bżonn daqsxejn aktar ta’ repetizzjoni fuq l-istess ħila li tkun saret fis-sessjoni ta’ qabel. Biex tikkowċja lit-tfal żgħar trid tkun lest għal kollox, trid tkun lest li taddatta skont il-burdata tat-tfal għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-iktar ħaġa importanti għalija bħala kowċ taż-żgħar hija li tnissel imħabba lejn l-isport għaliex dan huwa li jwassalhom sabiex jibqgħu f’dan l-isport. L-ikbar sodisfazzjon bħala kowċ mat-tfal hija l-espressjoni li nara fuq wiċċhom meta jirnexxielhom jolqtu x-shuttlecock għall-ewwel darba u l-enerġija u l-entużjażmu li jidħlu biha għas-sessjonijiet għaliex dak ifisser li nkun irnexxieli nrawwen fit-tfal l-imħabba lejn l-isport.
Pero’, l-ikbar sodisfazzjon tiegħi bħala kowċ f’ Evolve Badminton Academy hija li nara plejers li mmottivajthom jien stess biex jibdew dan l-isport, ikkowċjajthom ta’ etá żgħira u li saħansitra komplew jikbru f’dan l-isport b’ċerta mħabba, determinazzjoni u impenn kbir. Apparti minn hekk, l-iktar sodisfazzjon huwa li plejers li bdew fl-akkademja li ħloqt jiena stess komplew jikbru man-Nazzjonal u fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS). L-iktar esperjenza għal qalbi s’issa hija li l-ewwel esperjenza tiegħi bħala kowċ f’tournament internazzjonali kienet meta ħadt l-ewwel grupp ta’ juniors mill-akkademja tagħna għall-ewwel tournament internazzjonali tagħhom.
Apparti r-rwol tiegħek bħala kowċ, x’inhu xogħolok f’Evolve Badminton Academy?
Barra mill-kowċing, jiena wkoll nagħmel xogħol amministrattiv, komunikazzjoni mal-membri u l-ġenituri tagħhom, norganizza tournaments lokali u avvenimenti bħalma huma Summer u Winter Camps. Apparti minn hekk, minn wara l-kwinti ssir ħafna komunikazzjoni mal-faċilitajiet diversi li aħna noperaw is-sessjonijiet tagħna fihom, ma’ sponsors u nies oħra li aħna naħsbu li nistgħu nagħmlu affarijiet ta’ interess għall-plejers tagħna. Kull idea tiġi ppjanata, ikkommunikata u ppromossa minni u minn Matthew Abela, li jirrikjedi ħafna ħin u xogħol maħdum minn wara l-kwinti.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ kowċing jew saħansitra jibdew akkademja.
Il-kowċing jagħtik sodisfazzjon kbir meta tibda tara l-frott fl-iżvilupp tat-tfal. Ir-rispett li tara mingħand il-plejers u l-ġenituri tagħhom hija l-motivazzjoni li żżommok għaddej u tkompli tagħmel dak li tħobb. Il-messaġġ tiegħi huwa li ħadd m’għandu jibża’ jagħmel pass li forsi jidher diffiċli f’dak il-mument għaliex jaf iwasslek f’postijiet li qatt ma tkun ħsibt li se tasal. Il-badminton tani ħafna opportunitajiet ġodda u laqqgħani ma’ nies li llum il-ġurnata saru t-tieni familja tiegħi. Ħadd m’għandu jieqaf joħlom. Kull ambizzjoni tibda biss minn idea li jekk id-determinazzjoni u l-imħabba jippersistu, dik l-idea ma tibqax biss idea iżda tabilħaqq isseħħ realtá!