Ir-Renju Unit jinsab “mija fil-mija mal-Ukrajna” hekk kif il-president Ukren Volodymyr Zelensky sar l-ewwel mexxej ta stat barrani li żar lill-Andy Burnham minn mindu dan l-aħħar ħa l-kariga ta’ Prim Ministru. Burnham stqarr li ż-żjara tal-President Ukren kellha l-għan li “twassal messaġġ ċar ħafna” dwar l-appoġġ kontinwu u li r-Renju Unit huwa għal kollox wara l-Ukrajna.
F’diskors li għamel nhar it-Tnejn fil-preżenza ta Zelensky f’bażi navali f’Portsmouth, il-prim ministru Burnham aċċerta lil Zelensky li r-Renu Unit qiegħed wara l-Ukrajna u għaldaqstant l-Ukrajna tista’ sserraħ fuq ir-Renju Unit għal kemm ikun hemm bżonn. Huwa stqarr ukoll li l-Gran Brittanja se tonora bis-sħiħ kull impenn li għandha mal-Ukrajna.
Il-Prim Ministru Ingliż ħabbar ukoll il-kondiviżjoni tal-proprjetà intellettwali wara s-sistema l-ġdida tar-Renju Unit għall-gwerra elettronika magħrufa bħala “Stone Cloak”, ħaġa li se tippermetti lill-Ukrajna tipproduċi din it-teknoloġija fuq skala kbira.
L-apparati tal-imblukkar (jammers) tat-tip “Stone Cloak” huma d-daqs ta’ tablet u huma ddisinjati biex jimpedixxu l-iskoperta tad-drones li jkunu mgħammra bihom. Il-Ministeru tad-Difiża diġà pprovda eluf minn dawn l-apparati lill-forzi Ukreni biex isaħħaħ l-operazzjonijiet tagħhom bid-drones.
Downing Street ħabbar li, wara l-użu tagħha fl-Ukrajna, din it-teknoloġija se tiġi integrata fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ armi tar-Renju Unit b’medda twila.
Dan se jinkludi l-“Project Brakestop”, programm tal-gvern għall-iżvilupp ta’ missili cruise bi prezz baxx – jiġifieri armi ggwidati u li jaħdmu bil-propulsjoni tagħhom stess, li jtajru bħal inġenji tal-ajru normali għall-biċċa l-kbira tat-titjira tagħhom.
Waqt iż-żjara ta Zelensky fir-Renju Unit, iż-żewġ mexxejja ltaqgħu wkoll ma’ aktar minn 200 membru tal-militar Ukren li qattgħu l-aħħar tliet ġimgħat jipparteċipaw f’eżerċizzju marittimu. L-eżerċizzju mlaqqam Sea Breeze għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-ġlied u l-miżuri kontra l-mini fil-Baħar l-Iswed.
L-appoġġ tal-Gran Brittanja lejn l-Ukrajna baqa’ sod mill-invażjoni tar-Russja erba’ snin ilu, u r-Renju Unit impenja £25 biljun f’fondi għall-isforzi tal-pajjiż fil-gwerra.
F’waħda mill-ewwel telefonati tiegħu wara li sar Prim Ministru nhar it-Tnejn li għadda, Burnham kellem lil Zelensky u stiednu jżur ir-Renju Unit fl-ewwel opportunità.
Il-predeċessur ta’ Burnham, Sir Keir Starmer, kien żar Kyiv fl-aħħar jum sħiħ tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista u prim ministru tar-Renju Unit. Matul dik iż-żjara, huwa kien ħabbar finanzjament ġdid li jiswa £255 miljun għall-gwerra tal-Ukrajna kontra r-Russja u ngħata l-Ordni tal-Libertà tal-Ukrajna.




