Tuesday, July 28, 2026
Home Kultura It-taqbil fil-festi… tradizzjoni popolari li rridu nibżgħu għaliha

It-taqbil fil-festi… tradizzjoni popolari li rridu nibżgħu għaliha

0
14

L-argumenti dwar il-festi tagħna iqumu regolarment. L-aktar kontroversji jinvolvu l-piki li jeżistu fil-festi tagħna. Il-piki u l-botti fil-festi jagħmlu sabiħ sakemm ma jaqbżux il-limiti. Dan hu parti mill-karattru tagħna, li jimmanifesta ruħu fil-festi. Kull festa għandha partit. Mhux partit politiku, imma partit li jġib ammont ta’ nies flimkien u jaħdmu għal għan wieħed. Maż-żmien żviluppaw aktar minn partit wieħed u ovvjament dawn ħolqu l-piki. 

 Il-festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-UNESCO bħala Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità fis-sena 2023. Dan sar għax il-festa Maltija mhix biss ċelebrazzjoni reliġjuża. Hi ħafna aktar min hekk. Il-festa Maltija hi tradizzjoni li tippromwovi l-identità kulturali Maltija, tinżamm ħajja permezz tal-volontarjat u t-trasmissjoni tat-tradizzjonijiet minn ġenerazzjoni għal oħra u tinkludi marċi tal-baned, purċissjonijiet, dekorazzjonijiet tat-toroq, nar tal-art u tal-ajru, daqq tal-qniepen u ikel tradizzjonali bħall-Qubbajd.  Il-festa tibqa’ ċelebrazzjoni li ssaħħaħ is-sens ta’ appartenenza u l-identità lokali fil-villaġġi u l-ibliet ta’ Malta u Għawdex.

Għalhekk il-festi Maltin ma jistgħux jiġu kristallizzati jew iffossilizzati. Il-festi iridu jevolvu maż-żmien u għalhekk irid ikollhom ukoll nifs jevolvu.  L-inizjattivi fil-festi dejjem ġejjin minn fost il-poplu, għax il-festa hekk hi – tal-poplu!

It-taqbil parti mill-identità tagħna

Għalhekk ma nistgħux naqblu ma’ min jimbotta minn hawn u minn hekk biex jinqata’ it-taqbil fil-festi. Ma naqblux lanqas ma min jipprova jiskoraġixxi dan it-taqbil. Taqbil jieħu diversi forom, imma li finalment iwassal messaġġ. Ħafna drabi iwassal messaġġ b’mod umorsitiku, xi drabi jkunu taqbil biex iħeġġu l-folla tgħajjat u xi drabi l-istess taqbil jieħu forma teatrali jew saħansitra taqbila forma ta’ storja. 

Fl-aħħar jiem ġbarna aktar taqbil li jingħad fl-irħula u l-ibliet tagħna, f’festi li ġew ċċelebrati proprju fl-aħħar jiem jew li qegħdin jiġru ċċelebrati f’din tmiem il-ġimgħa. 

Festa San Ġorġ Rabat Għawdex

Forza lkoll flimkien

ferħ u xalar ma’ kulimkien

intom imwarrbin

warajna tibqgħu imbellħin

X’waħda x’waħda din

teatru ġie garaxx daqsxiex

Knisja u Każin

it-tnejn bit-telgħa imsallbin

Aħna ta’ San Ġorġ, 

u Ġorġi tagħna biss

Ġorġi tal-Istilla 

u miegħu ħadd ma jmiss

Kollok deheb, kollok djamanti,

issa żgur ma jonqsok xejn

jonqsok biss it-talb ta’ qalbna

u ċ-ċapċipa tal-idejn

Ġorġi tagħna, 

tagħna biss

festa lilu 

kif imiss

Kull sena intom f’Lulju,

jaqbadkom deni kbir

Ikollkom seba’ mitt sena,

biex Lulju jgħaddi jtir

Nadrukom u nifmukom

għax bħalma ma tagħmlux

kull sena tipprovaw tikkupjawna

imma xorta tibqgħu dejjem warajna

Kemm kliem fil-vojt parlajtu

biex mifrudin spiċċajtu

intlejtu bil-bandisti barranin

Tixtiequ li għandkom briju bħal tagħna.

Aħna superjuri, dejjem moħħkom fina

Magħna żgur li ma tlaħqux

posthom hu fuq il-bankina

Kull sena inbellħukom,

flus żejda innefqukom,

b’San Ġorġ aħna kburin

tal-Istilla magħqudin

ta’ Għawdex aħna l-ewlenin

Festa San Pawl fir-Rabat Malta

Qed narak b’idejk mgħollija

Kull meta niġi nitlob ħdejk

Qed niftakar fil-jum solenni

Meta l-Papa bies idejk.

(taqbila biex ifakkru meta San Ġwanni Pawlu II bies id San Pawl li hemm fil-Grotta meta ġie jżurha)

Viva t-tromba tal-Evangelju

Viva l-Ġilju l-aktar pur

Viva l-kbir missierna Pawlu

Viva l-kbir predikatur

Doqqu doqqu

qniepen doqqu 

għax mit-tempju noħorġuk

indawwruk ir-Rabat kollu biex nuruk kemm inħobbuk

Kemm kliem intom għedtulna

kemm għedtu pjanijiet

koppla għedtu li ppjanajtulna

imma l-pilastri ma felħuhiex

Festa Sant Andrija Ħal Luqa

Anġlu għandna f’nofs ta’ pjazza

xagħru safra u nnukkluta

mhux bħal Malta ta’ l-iStilla

minn kulħadd abbandunata

Din it-taqbila jgħiduha tal-ajkla li jtellgħu anġlu quddiem il-knisja fil-festa ta’ Sant Andrija Ħal Luqa. Tal-istilla jtellgħu lil Malta fil-pjazza tal-ġenb li fl-antik kienet il-pjazza prinċipali.

Taqbila li tieħu forma teatrali. Intqalet minn partitarji tal- Banda Unjoni f’Ħal Luqa. 

(Parteċipant 1) Hello qabbadni mal-Malta Records daqxejn urġenti jekk jogħġbok.

(Parteċipant 2) Hello tal-Malta Records f’hiex nista’ naqdik 

(Parteċipant 1) Jien Stanley mill-Banda Sant Andrija nixtieq insaqsik mistoqsija

(Parteċipant 2) Għidli Stanley minn St Andrews Band

(Parteċipant 1) Tini ftit informazioni fuq ir-rekord li għamlu tal-Unjoni.

(Parteċipant 2) Ara nar tal-art u tal-ajru rebħu kull kompetizzjoni

Isma’ mela m’għandkomx każin jew televiżjoni

Għax kemm fil-gazzetti u fl-aħbarijiet ġabuhom fir-rekords u l-premjijiet

(Parteċipant 1)  Iva imma għax dak il-ħin brim kbir ħassejt

U għal ġol-loki tgħidtx kemm ġrejt

Addio gazzetti u aħbarijiet 

Taf kif ċappastu il-glekk u l-qalziet

(Parteċipant 2) U din is-sena x’kienet il-problema

Tal-Unjoni ma’ daħlux u xorta bqajtu ma rbaħtux

(Parteċipant 1) U mhux talli ma rbaħniex u tazzi ma ħadniex, talli issa wara l-festa ma baqgħalniex,

(Parteċipant 2) Isma’ jien se nħallik u mur gawdi marċ tal-aħħar tridu.

Il-ġemgħa flimkien: U aħna se nkomplu naqbżu u min għandu l-għali ikompli jżidu.

Festa San Nikola fis-Siġġiewi

Slime ghalik o tawmaturgu

Qaddis kbir sa mit-twelid

Sliem għalik anġlu tal-paċi

Għajn ta’ faraġ barka u ġid

Doqqu doqqu qniepen doqqu,

Doqqu doqqu kbar u żgħar,

għax illum il-festa tagħna,

il-festa tat-Titular

Festa San Ġużepp f’Ħal Kirkop

F’din il-festa tingħad taqbila forma ta’ storja li tiġbor fina ħafna avvenimenti li jkunu saru, ħafna fil-festa li ssir mill-parti l-ieħor. 

Il-festa tagħkom

erġajt ġbart fi storja

biex niffriskalkom  naqra il-memorja

Il-festa bdiet bi tlugħ ta’ bandiera

u ħafna ħarsu biċ-ċiera

għax b’1000 lira kont nagħmel kapolavur

U mhux intella’ biċċa maktur

U flok infaqtu l-flus fl-arti

qgħadtu tifirħu bił-kanuni tal-karti

Tal-pilandra kien imiss l-inawgurazzjoni

imma ftit jafuha l-veru verżjoni

għax il-proġett oriġinali kellu ifalli

għax dawk suppost ġew pedestalli

U ħriġtu ta’ tfal żgħar 

għax li taħarqu bil-lejl intom naħarquh fit-8 u f’nofsinhar

u l-Ħamjis miż-żgħazagħ jiġi organizzat

u s-sorpriża tagħkom qatt ma tfaċċat

U biex dak li jieħu ħsieb ma jaqgħax għan-nejk

jgħid li ħadmu sena sħiħa għal ta’ fuq il-bejt

U l-ġimgħa m’għandniex ilmenti għax bix-xita konna kuntenti

u l-aħbar fil-kazin tagħna waslet veloċi

li ġlied bejniethom kellhom is-soċi

U saħħa ħraqtu erba’ murtali

il-kulur kien straġi totali

is-Sibt stennejna ħarqa tboss,

imma wasaltu biss sat-tielet ħoss

U saħħa din id-sena għamlilhom ballun

ma ħraqtux wieħed kif għandu jkun

u tal-kulur il-baħar reġa’ mar 

aħjar toħorġu l-iskema għall-irtirar

In-nar tal-art kien wasal waqtu

u b’dawk il-funtani n-nies daħħaktu

u mbagħad wasal il-mument tant mistenni u

ifhmuh sew dan il-kliem li se ntenni

Għax tal-katina żgur qed jiġġennen

għax kif jgħid sewwa il-Malti, kif nistgħu ngħallmu lil ommna tbennen

imma bħall-baqar tibqgħu taqbżu qiskom imġienen u 

ma tridux twaqqfu f’nofs l-irdieden

u biex xogħlkom ikun imfaħħar 

dawruha bħalna mill-bidu sal-aħħar

U fl-aħħar wasal il-jum tal-Ħadd

U dan aħjar għalikom ma wasal qatt

Ta’ l-għaxra l-murtali ma lestihomx 

U miskin fl-ajru ma raħhomx

Imma bħas-soltu werwer lil tar-Ramlija

u show kbir għamel bil-ħamrija

U l-Ħadd bil-lejl il-pjaċir sfaxxa

b’dik is-sotto speċi ta’ kaxxa

U saħħa l-marċ tan-nar 

għamiltu kapriċċ

il-banda bix-xita ma komplietx

u l-anniversarju ivvintat għadda ukoll

imma l-istess baqa’ ix-xogħol

imma li tgħadduna nini nini

Wara isegwi ħafna għajat minn dawk preżenti. 

Festa Madonna ta’ Lourdes Qrendi

Tagħkom issejħulu l-palazz

Aħjar tagħlquh b’katanazz

Meta tridu ejjew għandna 

Ħa taraw il-palazz

Isimgħu minni aqtgħu il-qżiżati 

Għax festa bħal tagħha 

Ma jkollkom qatt

Nhar il-Ħadd fost briju spettakolari

inawgurajna faċċata kolossali

Ara f’hiex ġibna l-ġirien tagħna

Ħallejnihom f’xokk totali

Kollkom flus u kollkom liri

Tahdmu għall-barranin

Misskom tistħu

Sinjuri bħalkom 

Ma tagħmlux festa bħal din

Tiġu quddiemna tħarsu lejna

B’dik il-ħarsa ta’ ħniena

Ikollkom toħorġu fuq il-bankina

Għax il-każin tagħkom fih daqs latrina.

Disa’ snin ilu għall-kompetirzzjoni dħaltu

U l-ħabel mal-ewwel skappa

intom għamiltuha fatta u 

l-ħabel qalilkom appa

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here