“Segwejt dak li kien għaddej fl-aħħar jiem f’pajjiżna. Ma kinitx sorpriża dak li ġara u dak ma ġarax hawn biss. Ġara f’postijiet oħra ukoll. Kien hemm qtugħ fil-provvisti tal-elettriku f’diversi pajjiżi, fosthom fi Sqallija, Ċipru, Ġreċja, Italia, Spanja u anke Franza. Is-sħana taffettwa u sħana qawwija tagħmel pressjoni kbira fuq l-infrastruttura. Fil-każ ta’ pajjiżna iżda l-verità hi waħda – dak li qiegħed jiġri qed iseħħ għax żdied il-konsum għax il-kontijiet huma irħas. U ejja ngħiduha kif inhi huma irħas biex l-ekonomija ma tkunx ikkrepata. Biex il-familji bi dħul baxx u negozji ikampaw. U nemmen li hekk għandhom jibqgħu irħas, għax l-enerġija mhix xi ħaġa ta’ lussu imma essenzjali. Biss il-konsum baqa’ jiżdied sena fuq sena. Ma nippruvawx inwaħħlu fil-barranin. Il-barranin ħafna minnhom jgħixu f’akkomodazzjoni bla arja kundizzjonata u ma jaħlux enerġija daqsna. Naħseb irridu nammettu li bħala poplu għandna kontijiet irħas u ftit li xejn nippruvaw inkunu ekonomiċi. Naħseb li wasal iż-żmien li għandu jkun hemm inċentivi biex il-familji jnaqqsu l-konsum tagħhom. B’dan l-mod tkun trattata parti sew mill-problema. Inqas konsum ifisser inqas pressjoni fuq is-sistema tal-elettriku”.
Dawn kienu l-kummenti li għaddielna inġinier li jaħdem fil-qasam tal-elettriku f’pajjiżna. Waqt li tkellem magħna bil-kundizzjoni tal-anonimità, ikkwotalna statistika dwar il-konsum.
Jgħidilna li “ma naqbilx li llum hawn min qed jipprova jiġġustifika kontijiet għola. L-elettriku hu xi ħaġa essenzjali u għandu jkun affordabbli minn kulħadd. Meta ngħid minn kulħadd, b’mod partikolari dawk li qegħdin fil-faxxa ta’ isfel nett. Ma jagħmilx sens min qed jipprova jiġġustifika kontijiet għola. Is-servizz tad-dawl f’dak li hu press għandu jkun aċċessibbli minn kulħadd. M’għandniex nispiċċaw kif konna snin ilu b’nies li kienu fil-faxxa t’isfel nett li spiċċaw bil-provvista tad-dawl maqtugħa għax ma setgħux ilaħħqu mal-kontijiet”.
Tenna li “jekk tħares lejn ix-xejriet tal-konsum issib li l-konsum f’pajjiżna baqa’ jiżdied sena wara sena. Fis-sena 2004 kellna konsum ta’ 2.22 TWh. Għoxrin sena wara fis-sena 2004 dan tela għal 3.106 TWh u llum dan tela’ aktar. Dan ifisser li l-konsum tal-enerġija f’Malta żdied b’50 fil-mija. Dan hu ammont qawwi. Issa l-konsum żdied u kien mistenni li se jiżdied, minħabba diversi fatturi. Ejja nammettu kien hemm żmien meta li jkollok arja kundizzjonata fil-kamra tas-sodda kien jitqies bħala kapriċċ. Din kienet anke spiċċat kontroversja elettorali meta f’xi kampanja minnhom jidhirli dik tas-sena 1996, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien qal li dak inhar in-nies kienu qegħdin jagħmlu kapriċċ u jixtru l-arja kundizzjonata. Illum l-arja kundizzjonata m’għadhiex kapriċċ. Illum ħafna familji Maltin issibilhom l-arja kundizzjonata f’kull kamra tas-sodda. Kien hemm żmien meta kien jinxtegħel sagħtejn jew tlieta. Nagħlqu l-kamra u nitfgħulu biex niffrankaw. Imma llum qegħdin nitfulu? Jew għax għandna kontijiet irħas qegħdin inħalluh mixgħul lejl sħiħ? Naħseb it-tweġiba kulħadd jafha”.
Għaliex żdied il-konsum fis-sajf?
L-inġinier jgħidilna li “l-mistoqsija li qiegħed nagħmel hi għaliex żdied il-konsum. Din hi d-domanda li rridu nwieġbu. Kellek żvilupp ekonomiku u kummerċjali u dan jagħmel l-effett. Tkabbir qawwi fit-turiżmu u anke dak jagħmel effett. Biss l-akbar effett ġej mid-djar tagħna l-Maltin. Ilum fis-sajf u metą t-temperaturi jibdew jogħlew għandna użu ħafna akbar ta’ sistemi tal-ara kundizzjonata. Kien hemm żmien meta kellna min kien jibża’ jinvesti f’apparat tal-arja kundizzjonata għax jibża li kien jogħlielu b’mod qawwi l-kont tad-dawl. Illum din il-biża’ m’għadhiex hemm. Ma’ dawn għandek iż-żieda fl-użu ta’ apparat domestiku fid-djar u negozji. Għandha titħalla s-sistema li għandna llum li għandek rati u tħallas skont kemm tuża? Jew hemm bżonn bidla fil-mentalità? Li nħarsu lejn sistema li tippenalizza l-ħela naħseb li tagħmel sens. Li ninċentiva u nippremjaw lil min ikun ekonomiku tagħmel sens ukoll. L-istatistika hi ċara fis-sena 2020 użajna 2.496 TWh, fis-sena 2021 użajna 2.6 TWh, fis-sena 2022 użajna 2.8 TWh, fis-sena 2003 użajna 2.9 TWh u fis-sena 2004 użajna 3.1 TWh.
“L-ammont ta’ enerġija li qegħdin nużaw hu qawwi għal Malta u l-popolazzjoni li għandna”
Jenfasizza li “għal min jifhem u janalizza jaf li 3.1 TWh fis-sena (2004) għax minn dakinhar żdied, hu ammont qawwi ħafna meta tqis li għandna popolazzjoni ta’ madwar 600,000 persuna. Ifisser 5.2 MWh kull persuna. Dan mhux ammont baxx. Biss hemm pajjiżi industrijalizzati u li jużaw ħafna enerġija għat-tisħin ta’ djarhom f’għadd ta’ xhur matul is-sena, fejn l-ammont ikun akbar. Biss, l-ammont ta’ konsum li għandna mhux baxx. Jekk ikollok tieħu l-medja dinjija dan ikun qisu 4MWh għal kull persuna. Dan juri li għandna fejn naħdmu biex innaqqsu l-konsum”.
Faċli tipponta swaba… imma fi sħana qawwija stenna l-ħsarat
L-inġinier kompla jgħidilna li “nifhem li min imurlu d-dawl, anki għal ftit ħin jaraha inkonvenjenza. U hi inkonvenjenza għax illum is-sħana fi djar hi insapportabbli. Dan biex ma nsemmux it-tbatija tal-anzjani. Mill-banda l-oħra hi faċli tipponta swaba lejn politiċi jew korporazzjonijiet. Faċli tgħid ma sarx investiment biżżejjed. Dan hu investiment li ma tfaqqax subgħajk u tagħmlu. Bla dubju li jrid isir iżjed. Apparti dan, irridu naċċettaw, li m’hawn xejn perfett. Fi sħanat qawwija u li jkunu akbar mis-soltu, stenna l-ħsarat u interruzzjonijiet. Stenna li jkun hemm cables li jaqbdu. Dan għax bi sħana il-wajers u cables jisħnu. Ikollok sitwazzjoni li kif it-temperatura togħla, ir-ram jew l-aluminju fil-cable ikollhom aktar movement fl-atomi tagħhom. Dan iwassal biex dak il-cable jitlef aktar enerġija bħala sħana. Kull cable jew water għandu kapaċità massima ta’ kurrent. Ma’ dan għandek l-insulazzjoni tal-wajer jew cable. Dan biż-żmien u anke bi sħana jiddgħajjef u għalhekk inaqqas il-protezzjoni tiegħu. Jista’ jkollok ħruq fil-wajers. Meta jisħnu jitilfu mill-effiċjenza. Allura meta għandek temperaturi aktar għoljin u din trassla għal domanda ferm akbar għall-arja kundizzjonata, is-sistema tal-elettriku tkun taħt pressjoni ferm u ferm aktar. Il-cables taħt l-art ikunu affettwati ukoll b’mod negattiv għax taħt l-art, il-materjal tal-art li jkun fuq il-cable jispiċċa ineħħi is-sħana aktar bil-mod”.
Jitkellmu eks ħaddiema tal-Enemalta… bżonn ta’ analiżi f’xogħlijiet li kienu saru
“Il-kandotti kemm huma fondi? Min kien responsabbli ix-xogħolijiet ħadu ħsieb jaraw li s-sodda u l-materjal li jgħatti l-cables ikunu kif suppost? Min qiegħed il-cables li fuqhom saret il-ħsara – l-Enemalta jew il-kuntrattur?
Il-kuntrattur kemm għandu nies imħarrġa kif suppost għal dan ix-xogħol? Min ivverifika l-fond tal-kandotti, issorvelja t-tqegħid tal-cables u ċċekkja l-kwalità tal-ġonot?”.
Dawn huma domandi li qegħdin isiru minn eks ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, li snin ilu kienu involuti fit-taħriġ ta’ studenti biex jaħdmu mal-Korporazzjoni. Fi kliemhom stess, ‘il-ħsarat fl-elettriku kienu jsiru, għadhom isiru u jibqgħu isiru. Dan ma jfissirx li m’hemmx bżonn analiżi tas-sitwazzjoni. Quddiem dak li seħħ fl-aħħar jiem u li ma sarx f’pajjiżna biss, hemm domandi li jridu jiġu analizzati u mwieġba”.
L-eks ħaddiema qalulna li “fis-snin tmenin il-gvern kien waqqaf l-iskema ta’ Taħriġ Estiż fis-Snajja’ ( Extended Skill Training Scheme – fil-qasir ESTS) fejn żgħażagħ mill-iskejjel tas-Snajja’ u mill-Istituti Tekniċi jidħlu f’apprendistat ta’ 3 snin ma’ dipartimenti tal-gvern, kumpaniji parastatali u mal-privat fejn kienu jaħdmu u jistudjaw fl-istess ħin fuq bażi ta’ 50% xogħol u 50% studju. Il-gvern kien gab ukoll espert tal-ILO biex jagħti l-pariri tiegħu kif iwaqqaf din l-iskema u fl-istess ħin ta taħriġ lilna. Kien jieħu ħsieb din l-iskema Frederick Fearne iżda meta laħaq Direttur beda jieħu ħsiebha uffiċjal ieħor u erba’ Instructors. Dawn l-4 Instructors kienu jieħdu ħsieb grupp ta’ snajja waqt li jien kont nieħu ħsieb l-amministrazzjoni ġenerali tal-iskema. Il-kumpaniji parastatali – Enemalta, Telemalta, Malta Shipbuilding – u l-Public Works kienu jieħdu l-parti l-kbira tal-apprendisti.”
Iddikjaraw li “l-Enemalta kienet tqassam l-apprendisti skont il-kwalifiki tagħhom biex jaħdmu fil-Power Station jew bħala linesmen jew jointers. Dawn l-apprendisti kienu jitħarrġu min-nies tal-Enemalta f’dawk il-ħiliet manwali u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol waqt li jiksbu t-teorija tas-sengħa mill-Istitut Tekniku. Konna tajna korsijiet lil dawk il-ħaddiema kollha tal-Enemalta li f’idejhom kien afdat it-taħriġ prattiku tal-apprendist kif huma għandhom jgħaddu dawk il-ħiliet meħtieġa fix-xogħol.
Għal dan l-għan kien twaqqaf ukoll Kumitat fl-Enemalta magħmul minn inġiniera, nies tas-sengħa u minn Philip Camilleri – Instructor kollega tiegħi fl-ESTS li kien jieħu ħsieb l-apprendisti fl-Elettriku, Telekomunikazzjoni u Elettronika biex nifformulaw programmi ta’ taħriġ kemm teoretiku kif ukoll prattiku. Biex ifformulajna dawn il-programmi ta’ taħriġ konna mmorru fuq il-postijiet tax-xogħol u nosservaw x’ħiliet manwali kien ikollhom bżonn u flimkien mal-inġiniera, linesmen u jointers konna niddiskutu l-metodi ta’ taħriġ. L-Enemalta kienet konxja kemm hu importanti t-taħriġ u anki waqqfet ċentru ta’ taħriġ fil-Power Station il-qadima. Dan x’kien isir.”
L-eks ħaddiema sostnew li “biż-żmien jidher li l-Enemalta bdiet tagħti x-xogħol lill-kuntratturi privati kemm biex iqiegħdu l-cables kif ukoll biex isewwu l-ħsarat. Min hu midħla tas-settur jaf li l-ħsarat ikunu jew fil-Power Station (forsi tiftakar meta fil-Power Station tal-Marsa xi boiler kien iġarrab ħsara) jew fid-distribuzzjoni. Jidher li l-ħsarat li qed iseħħu llum mhumiex ġejjin mill-Power Station ta’ Dellimara iżda mid-distribuzzjoni. Minn dak li qalu l-aħbarijiet il-ħsara saret minħabba s-sħana li dewbu l-cables taħt l-art. Issa, kif taf, is-sistema ta’ distribuzzjoni hi mfassla fuq crieki ‘ring distribution’ fejn il-cables ikunu mġannta ma’ xulxin biex jekk xi parti jkollha l-ħsara jkunu jistgħu jagħtu kurrent minn parti oħra. Għalhekk inħoss li wieħed għandu jindaga sewwa x’tip ta’ ħsarat qed jiġru biex jieħdu miżuri u jnaqqsu kemm jista’ jkun li jkun hemm qtugħ ta’ elettriku li, f’dawn il-jiem sħan, jindanna lill-poplu u jwassluh iwaħħal f’dak u l-ieħor u anki l-opposizzjoni li talbet għar-riżenja tal-ministru li nħoss li mhix ġustifikata.”
L-eks ħaddiema tennew ma’ IT-TORĊA li “intqal li kien hemm numru konsiderevoli ta’ ħsarat. Dawn huma l-mistoqsijiet: Il-ħsarat saru fuq cables ġodda jew l-antiki li hemm taħt l-art? Saru fil-cables li hemm fit-toroq? Saru fis-substations? Il-cables li kellhom ħsarat, kemm jifilħu kurrent? Il-ħsarat saru fil-ġonta’ ta’ cable ma’ ieħor jew fuq il-cable innifsu? Il-kandotti taħt l-art kemm għandhom cables? Wieħed, tnejn jew aktar ħdejn xulxin u kemm hemm spazju bejniethom? Il-kandotti kemm huma fondi? Ħadu ħsieb jaraw li s-sodda u l-materjal li jgħatti l-cables ikunu kif suppost? Min qiegħed il-cables li fuqhom saret il-ħsara – l-Enemalta jew il-kuntrattur? Il-kuntrattur kemm għandu nies imħarrġa kif suppost għal dan ix-xogħol? Min ivverifika l-fond tal-kandotti, issorvelja t-tqegħid tal-cables u ċċekkja l-kwalità tal-ġonot? Dawn il-mistoqsijiet mhumiex biex ikun hemm xi persekuzzjoni kontra xi ħadd imma biex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi għan-nies u għan-negozji. Il-ħsarat fl-elettriku kienu jsiru, għadhom isiru u jibqgħu jsiru għax dejjem ikun hemm jew xi difett fil-produzzjoni tal-cables li wieħed ma jindunax bih, jew fit-tqegħid fost oħrajn”.
