Saturday, May 18, 2024

Messi u Ronaldo se jgħaqqdu l-grupp ta’ ħames players li lagħbu f’ħames edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

Kemm Lionel Messi kif ukoll Cristiano Ronaldo qatt ma rebħu t-Tazza tad-Dinja, iżda Qatar 2022 se jarawhom jingħaqdu ma’ lista saħansitra aktar esklussiva – hekk kif se jsiru r-raba’ u l-ħames players li lagħbu f’ħames edizzjonijiet differenti ta’ din l-akbar manifestazzjoni sportiva fid-dinja.

Hija kisba notevoli u xhieda tal-karriera mimlija suċċessi kif ukoll tfakkira ta’ kemm ilhom jilagħbu fl-ogħla livell għal tul tas-snin.  

Mhix sorpriża li tliet players biss fl-istorja lagħbu f’ħames Tazzi tad-Dinja differenti, għax jeħtieġ li tkun fil-quċċata tal-isport għal mill-inqas 16-il sena, u dan anke jekk wieħed irid jassumi li n-nazzjon tiegħek jikkwalifika.

Iżda bl-avvanzi fix-xjenza tal-isports, nistgħu naraw aktar players jilħqu l-objettiv tagħhom fis-snin li ġejjin.

Bla dubju, il-goalkeepers għandhom l-aqwa ċans li jilagħbu fit-Tazza tad-Dinja ħames darbiet, u filwaqt li Gianluigi Buffon ġie msejjaħ ħames darbiet, huwa ma lagħabx fl-edizzjoni tal-1998.

Bl-istess mod, il-Messikan Guillermo Ochoa jista’ wkoll jgħid li f’din l-edizzjoni ġie msejjaħ għall-ħames darba iżda lagħab biss fl-aħħar tnejn. 

Għaldaqastant, l-uniċi tliet players l-oħra li lagħbu f’ħames edizzjonijiet huma l-Ġermaniż Lother Matthaus  u ż-żewġ Messikani Antonio Carbajal u Rafael Marquez.

Il-midielder Matthaus huwa l-uniku minn dawn il-players li rebaħ it-Tazza tad-Dinja, fl-1990, u huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa players ta’ kull żmien fil-Ġermanja. L-edizzjonijiet l-oħra kienu 1982, 1986, 1994 u 1998. 

Il-goalkeeper Carbajal sar l-ewwel player li lagħab f’ħames edizzjonijiet – 1950, 1954, 1958, 1962 u 1966. Huwa għadu mimli bil-għomor u għandu 93 sena. 

Id-difenur Marquez huwa l-ixjeħ player li lagħab f’ħames edizzjoni meta fl-aħħar dehra tiegħu kellu 39 sena. L-edizzjonijiet kienu 2002, 2006, 2010, 2014 u 2018.

Sport