Saturday, December 21, 2024

META JISTA’ JITLOB RIMEDJU KONSUMATUR? U XI DRITTIJIET GĦANDU?

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Diversi drabi, il-prodotti li nixtru jaf ikunu difettużi, ma jkunux jaħdmu kif suppost jew ma jkunux  kif imwiegħed mill-bejjiegħ. Meta jiġri dan, bħala konsumaturi għandna dritt li nitolbu rimedju b’xejn mingħand il-bejjiegħ? Hemm xi sitwazzjonijiet jew difetti li mhumiex koperti bil-garanzija u minħabba f’hekk ma nkunux nistgħu nitolbu rimedju bla ħlas?

Taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur kull prodott li nixtru jġorr miegħu sentejn protezzjoni  legali. Minbarra din il-protezzjoni,  hemm diversi bejjiegħa li jagħżlu li jagħtu wkoll garanzija kummerċjali mal-prodotti li jibiegħu. Għalkemm din mhijiex obbligatorja, ladarba tingħata l-bejjiegħa għandhom dmir jimxu mal-klawżoli mniżżla. Importanti wkoll li din il-garanzija ma tkunx tnaqqas id-drittijiet li għandhom il-konsumaturi taħt is-sentejn protezzjoni tal-liġi. 

Bħala konsumaturi tajjeb li nkunu nafu li l-prodotti li nixtru għandhom ikunu kif deskritt mill-bejjiegħ, pereżempju jekk il-bejjiegħ jgħidilna li l-mudel ta’ mowbajl li ser nixtru jista’ jieħu żewġ sim cards dan għandu jkun minnu.  Barra minn hekk, kull prodott li nixtru jrid ikun tajjeb għall-użu li rriduh u li nkunu nfurmajna bih lill-bejjiegħ waqt li jkun sar ix-xiri. Pereżempju jekk għandna bżonn saqqu li hu tajjeb għal xi ħadd li jbagħti b’dahru, għandna ninfurmaw  b’dan lill-bejjiegħ sabiex jipprovdina bil-mudell li huwa l-aktar addattat għall-bżonnijiet tagħna. 

Il-prodotti għandhom ikunu wkoll addattati għall-użu li prodotti simili normalment jagħmlu u għandhom ikunu juru l-kwalità u l-kapaċità li huma normali f’oġġetti tal-istess tip. F’każ li prodott li nixtru ma jkunx isegwi dwan l-erba’ kundizzjonijiet, legalment aħna bħala konsumaturi jkollna dritt nitolbu rimedju b’xejn mingħand il-bejjiegħ.

Wieħed, iżda tajjeb li jiftakar li l-garanzija tal-liġi ma tkoprix ħsara fl-oġġett li tkun ikkawżata mill-konsumatur b’użu ħażin jew aċċident. Pereżempju jekk ir-remote control tat-televiżjoni mhijiex taħdem għax waqqajt il-kafè fuqha, il-bejjiegħ mhuwiex obbligat li jagħtini rimedju b’xejn. Dan għaliex id-difett fil-prodott inħoloq b’aċċident min-naħa tiegħi, mhux kien hemm meta xtrajt l-oġġett. Mill-banda l-oħra, jekk ninstallaw jew nużaw prodott b’mod ħażin minħabba nuqqas fl-istruzzjonijiet jew l-istruzzjonijiet ma jkunux  ċari min-naħa tal-bejjiegħ, ir-rimedji tal-garanzija legali xorta nkunu ntitolati għalihom.

Sabiex wieħed jiddetermina jekk il-problema inħolqitx b’deterjorament (wear and tear) normali jew le, wieħed ikun irid iqis x’tip ta’ prodott hu, meta ġie mixtri l-prodott u kemm ġie użat sakemm kien għand il-konsumatur.

L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jistipula wkoll li jekk il-konsumatur ikun jaf bid-difetti li fih il-prodott qabel ma’ jtemm ix-xiri u xorta jiddeċiedi li jixtrih, wara ma jkunx intitolat li jitlob rimedju mingħand il-bejjiegħ minħabba dan l-istess difett. Iżda, jekk wara li jinxtara, il-prodott joħroġlu xi difett ieħor li l-konsumatur qatt ma kien ġie infurmat bih, dan ikun jista’ jitlob rimedju mingħand il-bejjiegħ għal dak id-difett partikolari.

Meta nkunu intitulati għal rimedju, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hu li nitkellmu mal-bejjiegħ u nitolbu biex il-prodott difettuż jissewwa jew jinbidel. Tajjeb li niftakru li l-bejjiegħ għandu ċ-ċans li l-ewwel jipprova jsewwi l-prodott qabel ma’ jibdlu. Iżda, jekk it-tiswija tkun ser toħloqilna inkonvenjent kbir nistgħu nitolbu lill-bejjiegħ sabiex jibdel il-prodott. Dan sakemm il-bejjiegħ ma jipprovdinix bi prodott ieħor biex ninqdew sakemm titlesta t-tiswija. Meta mbagħad la t-tiswija u lanqas il-bdil ma jkunu possibli, bħala rimedju nistgħu nitolbu flusna lura.  

F’każ li wara li nkellmu lill-bejjiegħ xorta ma jirnexxilnix nieħdu soluzzjoni aċċettabbli,  għandna nagħmlu l-ilment tagħna bil-kitba sabiex uffiċjalment ninfurmawh bil-problema fil-prodott. Inżommu f’moħħna li għandna r-responsabbiltà li ninfurmaw lill-bejjiegħ bid-difett fi żmien xahrejn minn meta nkunu indunajna bih u jekk ma nagħmlux dan nistgħu nitilfu d-dritt għal rimedju bla ħlas. 

Fil-korrespondenza mal-bejjiegħ għandna nniżlu  żmien raġonevoli sa meta nkunu qed nistennew tweġiba u x’soluzzjoni qed nistennew li tingħatalna.

Jekk il-bejjiegħ ma jilqax it-talba tagħna jew ma jirrispondiniex,  wara nkunu nistgħu nikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex nirreġistraw l-ilment tagħna u jibda l-proċess tal-konċiljazzjoni bi skop li jintlaħaq ftehim amikevoli mal-bejjiegħ. 

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur  fuq il-freephone 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.

Claire Micallef

Uffiċjal għall-Informazzjoni

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur

Ekonomija

Sport