Sunday, November 10, 2024

META L-PN SE JIRRIĠENERA RUĦU?

Aqra wkoll

Demokrazija parlamentari u tassew rappreżentattiva teħtieġ oppożizzjoni kredibbli u b’viżjoni ċara dwar kif tkun bi ħsiebha tmexxi l-pajjiż fl-aħjar interess jekk u meta l-poplu jtiha l-fiduċja biex tiggvernah. Dan l-element f’demokrazija huwa kruċjali għall-alternanza politika u għal ġejjieni dejjem aħjar.

Minn dak kollu li deher u ngħad s’issa, dawn l-ingredjenti huma assenti għalkollox fil-Partit Nazzjonalista iktar u iktar minn wara li Bernard Grech ħa t-tmexxija tal-PN f’idejh. Huma dawn sinjali li qed juru li l-PN m’għandux viżjoni għall-futur u wisq inqas fibra biex imexxi lil dan il-pajjiż. 

Għal bosta nazzjonalisti l-uċuħ ġodda li suppost kellhom jirriġeneraw lill-partit wara l-elezzjoni ta’ Marzu li għadda, kienet ħolma li qatt ma saret realtà. Għax jekk xi ħadd kellu jifli sew dak li jgħidu u jagħmlu saħansitra wħud mill-parlamentari nazzjonalisti ġodda ma jsib xejn ta’ sustanza. Minkejja ż-żgħożija tagħhom,  dawn ukoll huma magħġunin mill-passat.

U kif għidna kemm-il darba, is-sitwazzjoni li jinsab fiha bħalissa l-PN mhux biss hija ħasra imma hija wkoll ta’ ħsara għad-demokrazija attiva f’pajjiżna. Dan nistqarruh b’dispjaċir għaliex nemmnu u rridu li dmir u xogħol l-oppożizzjoni hu li tagħmel skrutinju kontinwu tal-politika tal-partit fil-gvern fl-aspetti kollha tagħha. B’hekk tista’ tkompli tissaħħaħ id-demokrazija u verament tibqa’ tkun waħda rappreżentattiva kif jixraqlu l-poplu Malti. Għax għall-PN fl-oppożizzjoni l-unika kwistjoni f’dan il-pajjiż jidher li hija l-korruzzjoni u xejn aktar. 

Bħalissa, l-kontinent Ewropew qed jiffaċċja gwerra qalila fi ħdanu, gwerra li fniet lill-Ewropa bi kriżi tal-enerġija u għoli esaġerat ta’ prezzijiet. F’din is-sitwazzjoni hekk delikata, x’għamel jew x’qal il-PN? X’viżjoni wera li għandu għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħal dawn? Xejn. Vojt kbir u li kieku kellu jaqa’ l-Gvern Laburista fil-pajjiż ikun hawn il-baħħ.

Jidher ċar li tal-PN għadhom ma għarfux li l-maġġoranza l-kbira tal-poplu ddejqet tisma’ l-istess retorika ta’ korruzzjoni nieżla u korruzzjoni tiela. Għalhekk il-poplu warrabhom għal darba, tnejn, tlieta.

U hawn tidħol ukoll jekk il-PN hux kredibbli jew le f’dak kollu li jgħid u jagħmel. Issa jridu li fil-kumitat parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi jerġgħu jinfetħu l-każi ta’ kuntratti li saru f’dawn l-aħħar disa’ snin. Iżda mbagħad ma jridux li jiġu investigati wkoll kuntratti li saru fi żmien il-PN qabel l-2013, bħal tal-BWSC, tal-art tal-Fekruna u l-Lowenbrau.

Infakkru li diversi rapporti tal-Awditur dak iż-żmien kienu xammew riħa ta’ duħħan iżda ma rawx in-nar. Il-loġika iżda tiddetta li mingħajr nar ma jkunx hemm duħħan. Din il-frażi ma tfisser xejn għajr li l-Awditur kien qed jgħid indirettament li f’dawk il-kuntratti kien hemm riħa ta’ korruzzjoni.

Nagħmluha ċara mill-ewwel li aħna favur u naqblu ma’ kull investigazzjoni  li ssir fejn ikun hemm suspetti serji u fondati ta’ korruzzjoni. Li ma naqblux hu ma’ allegazzjonijiet bla provi li jkunu saru biex sempliċiment biex iħammġu lil dak li jkun. Żgur li ma naqblux ukoll ma’ allegazzjonijiet intenzjonati għall-assassinju tal-karattru.

Jekk irridu li l-politika f’pajjiżna titnaddaf jeħtieġ li l-PN jibda minnu nnifsu u jwarrab minn ħdanu l-politika tal-vendetta, li twassal għal aktar firda fil-pajjiż. Għax jekk il-PN mhux se jagħmel dan u jadatta ruħu għar-realtajiet tal-lum u mhux tal-bieraħ se jibqa’ kkundannat għall-bankijiet tal-oppożizzjoni għal għexieren ta’ snin oħra.

Sport