Tuesday, December 24, 2024

Mewta traġika ta’ tifel diżabbli kawża ta’ ġuħ estrem

Aqra wkoll

Kulħadd jaf kemm gwerra ġġib magħha tbatija u mwiet. Fi gwerra l-imwiet mhumiex biss dawk fost is-suldati kkawżati minn sparar u splużjonijiet. Hemm vittmi oħra – in-nies ċivili li jinkludu nisa, anzjani u saħansitra tfal. Dawn huma vittmi li jbatu u jmutu innoċentament… Vittmi tal-ħsara kollaterali ta’ gwerra. Fost dawn hemm il-mewta traġika ta’ Yazan al-Kafarna, l-aħħar tifel li miet bil-ġuħ u nuqqas ta’ nutrizzjjoni minn mindu beda l-ġlied f’Gaza fis-7 ta’ Ottubru li għadda. Issa, it-total ta’ tfal li mietu minħabba nuqqas ta’ ikel minn Ottubru diġà tela’ għal 16.

“Qabel il-gwerra kien b’saħħtu. Kellu aċċess għall-ikel u għall-kura medika li kellu bżonn. Meta bdiet il-gwerra spiċċa kollox. Ġralu hekk minħabba nuqqas ta’ nutrizzjoni u minħabba li ma kellux ikel importanti ħafna għal saħtu. Kien spiċċa jgħix fuq biċċiet żgħar ta’ ħobż li batejna ħafna biex insibuhomlu u ħallasna ħafna flus għalihom. Jekk ma konniex insibulu ikel, konna nagħtuh iz-zokkor sempliċiment biex inżommuh ħaj. Ir-raġuni prinċipali għala wasal f’punt li kien jidher qisu skeletru hija li sofra nuqqas ta’ nutrizzjoni”. 

Hekk spjega Mohammed al-Kafarna, wieħed mill-membri tal-familja ta’ dan it-tifel. F’intervista li membri tal-familja kellhom ma’ “Al Jazeera Arabic” spjegaw li l-vittma żamm ħaj bi ftit gidmiet ta’ ħobż. Missieru wera ritratt ta’ ibnu qabel bdiet il-gwerra bejn l-Iżraeliti u l-Ħamas b’attakki ħorox f’Gaza.

Skeletru ħaj f’sodda…

Skont rapporti fil-midja lokali, Yazan al-Kafarna miet fl-isptar al-Najjar f’Rafah it-Tnejn li għadda. Ritratti u vidjows bdw jixxandru mit-2 ta’ Marzu fejn it-tifel deher f’sodda fl-isptar. Mid-dehra ta’ wiċċu kien ċar li sofra ġuħ kbir.

Skont il-membri tal-familja tal-vittma, Yazan kien wasal f’punt kruċjali fejn kellu bżonn ikel u nutrijenti speċifiċi biex isalva ħajtu. Dan wara li huwa tant tilef piż li kien f’periklu imminenti. Minkejja s-sitwazzjoni kritika l-familja ma kellha ebda kontroll minħabba li ma setgħetx tikseb l-affarijiet li kellhom bżonn għal Yazan.

Dan it-tifel twieled b’paraliżi ċelebrali (cerebral palsy” u din il-kundizzjoni tirrikjedi dieta u vitamini speċifiċi. Minn mindu bdiet il-gwerra f’Gaza, il-familja tal-vittma ma kellhiex aċċess la għall-ikel u lanqas għall-vitamini rrakkomandati mit-tobba. 

Tfal li ma jsibux x’jixorbu u x’jieklu… l-imwiet qegħdin dejjem jiżdiedu

Il-ġurnalisti f’Gaza rrapportaw il-mewta tiegħu flimkien ma’ ta’ tfal oħra li lkoll tilfu ħajjithom minħabba ġuħ u nuqqas ta’ nutrizzjoni. Fil-fatt, il-ġurnalist f’Gaza Hossam Shabat, qal li tifla oħra mietet wara li ma kellhiex aċċess għall-ħalib mentri oħra, identifikata bħala Heba Ziadeh, mietet fl-isptar ta’ Kamal Adwan fit-Tramuntana ta’ Gaza kawża ta’ deidrazzjoni u nuqqas ta’ nutrizzjoni.

Il-ġimgħa l-oħra l-kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, Ashraf al-Qudra, qal li, “l-okkupazzjoni Iżraelita f’din il-gwerra qalila fuq ir-residenti ta’ Gaza hija gwerra tal-ġuħ. Min-naħa tiegħu huwa kkonferma li n-numru tal-persuni li qegħdin imutu bil-ġuħ qiegħed dejjem jiżdied b’mod speċjali fost it-tfal. 

Ashraf al-Qudra qal li s-sistema tas-saħħa fit-Tramuntana ta’ Gaza mhiex tlaħħaq mad-domanda u dan b’mod speċjali wara li l-isptar Kamal Adwan spiċċa taħt idejn il-forzi Iżraeliti. 

Trabi u nisa tqal f’periklu serju

Mil-lat ta’ korpi internazzjonali, fir-rigward tkellmet l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati Palestinjani (UNRWA) fejn fi Frar li għadda ħarġet twissija li n-nies f’Gaza huma fil-periklu ta’ ġuħ. Jingħad li l-aħħar darba li l-UNWRA irnexxielha tibgħat għajnuna umanitarja f’ikel fit-Tramuntana ta’ Gaza kien fit-13 ta’ Jannar li għadda. 

Lejn l-aħħar ta’ Frar, mill-inqas mietu żewġt itrabi bl-istess kawżi u nisa tqal mhumiex jingħataw in-nutrizzjoni u l-kura medika li għandhom bżonn b’konsegwenza li jidħlu f’periklu ta’ mard u żieda f’riskju li jmutu waqt il-ħlas. 

Din is-sitwazzjoni ferm diffiċli għall-poplu Palestinja f’Gaza ma tidhirx li se tmur għall-aħjar. Fil-fatt, skont informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tal-Ġnus Magħquda, hemm mill-inqas nofs miljun persuna qegħdin isofru l-ġuħ mentri kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Gaza (madwar 2.3 miljun persuna) qegħdin jiffaċċjaw skarsezza kbira ta’ ikel.

Organizzazzjonijiet umanitarji wissew li l-insistenza ta’ Iżrael li ma jħallix li jkun hemm ikel u xorb għall-poplu Palestinjan fil-konflitt jista’ jirriżulta f’att kriminali kontra l-umanità.

Ekonomija

Sport