Wednesday, April 23, 2025

M’hemm l-ebda sigriet għas-suċċess ta’ Kercem Ajax FC … ix-xogħol iebes jippremjak – Danijel Bogdanovic

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għal-logħba tal-futbol kienet dejjem preżenti, peressli meta kont tifel żgħir kont nara l-logħob u l-‘cartoons’ ta’ ‘Holly & Benji’.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek sa issa bħala kowċ ta’ Kercem Ajax FC?

S’issa kulma nista’ ngħid hu li kollox miexi sew, il-klabb huwa organizzat ħafna f’kull aspett u ninsab ferħan li qiegħed hawn naħdem ma’ dan il-klabb.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni f’Għawdex?

M’hemm l-ebda sigriet għas-suċċess ta’ Kercem Ajax FC … ix-xogħol iebes jippremjak. Bħala kowċ trid temmen f’dak li tagħmel u żżomm miegħu. L-impenn tal-plejers għax-xogħol iebes u d-disponibbiltà tagħhom li jinbidlu u jadattaw għal ideat ġodda; li jġegħluhom jemmnu dak li tipproponi bħala kowċ huwa ċ-ċavetta għas-suċċess, u aktar importanti li bħala kowċ ikollok relazzjoni umana tajba magħhom kollha.

Kif qed tħarsu lejn staġun ieħor, fejn issa se tkunu qed tilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni?

Bdejna t-tħejjijiet tagħna għall-istaġun li ġej diġà f’Jannar li għadda … diġà qbilna mal-plejers barranin il-ġodda kollha, u qed naħdmu fuq tnejn sa tliet plejers lokali li nisperaw li nagħlqu l-ftehim magħhom fil-ġimgħat li ġejjin. Nibdew il-pre-season fl-14 ta’ Lulju li ġej, fejn se mmorru għal kamp ta’ taħriġ fis-Serbja. Allura l-affarijiet kollha huma kważi lesti u stabbiliti. Se nilagħbu biex nirbħu kull logħba l-istaġun li ġej peress li dik hija l-mentalità tiegħi bħala kowċ. Dan se jkun possibbli? Naraw imma ħaġa waħda hija żgur …. se nippruvaw!

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol f’Għawdex tjieb ħafna u l-affarijiet qed jinbidlu hekk kif il-klabbs ewlenin qed jinvestu fil-plejers u l-istaff iżda fl-opinjoni tiegħi in-numru ta’ plejers barranin irid jiżdied sabiex ikompli jitjieb fil-kwalità u speċjalment fil-mentalità.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fejn jidħlu riżorsi nemmen li l-klabb tagħna huwa wieħed mill-aqwa f’Għawdex. Għandna stadium full-size fejn nitħarrġu, għandna sala ‘indoor’ fejn nagħmlu l-‘pre training’ tagħna, gym u fiżjo-terapista full time bit-tagħmir kollu meħtieġ għar-rijabilitazzjoni u t-trattament. Il-klabb għandu madwar 15-il full timer fl-amministrazzjoni tal-klabb, peressli l-klabb huwa mmexxi bħall-kumpanija … b’hekk l-affarijiet fil-klabb huma professjonali ħafna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ksibt il-liċenzja tal-UEFA PRO issa u nħares ‘il quddiem għall-futur li ġej dak kollu li jista’ jġib hekk kif fil-futbol qatt ma nafu imma rridu nkunu lesti meta jasal il-mument.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tirnexxi fil-futbol jew fi kwalunkwe sport ieħor għandek bżonn ftit affarijiet. Kollox jibda minn ħolma. Tibżax tonqos u meta taqa’ kun żgur li taqa’ ‘l quddiem u mhux lura.

Aħdem iebes u emmen fik innifsek. U ftakar dejjem li int għandek il-kontroll ta’ dak li ssir kollu f’idejk!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport