Friday, December 13, 2024

MHU SE JASAL L-EBDA KONVOJ

Aqra wkoll

Għada, 15 ta’ Awwissu 2022, infakkru t-80 sena mindu daħlu fil-Port il-Kbir ħames mill-14-il vapur li kienu ntbagħtu lejn Malta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija (bir-Renju Unit u l-Istati Uniti kontra l-Ġermanja u l-Italja). Il-Ġermanja u l-Italja kienu għamlu sentejn jassedjawna u ma jħallu xejn jasal hawn biex il-gżejjer tagħna jkollhom iċedu għax il-poplu ma jkollux x’jiekol u biex jgħix u biex jiddefendi ruħu mill-attakki.

Tajjeb nirriflettu fuq dak li ġara dakinhar. Illum ninsabu fi gwerra ġdida. M’għandniex attakki militari fuqna mill-ebda għadu. Imma għandna sfidi kbar li rridu negħelbu: kif se nbiddlu l-għixien tagħna u nibqgħu noħolqu x-xogħol u l-ġid fis-snin li ġejjin biex il-poplu tagħna jgħix tajjeb hawn u ma jkollux ifittex ħajja aħjar f’pajjiżi oħra kif kellna nagħmlu għal żmien twil. Dawn l-isfidi rridu nirbħuhom bl-isforzi, għaqal u rieda tagħna. Mhu se jsir l-ebda miraklu magħna bil-wasla ta’ xi konvoj li jrebbaħna dawn l-isfidi.

80 sena ilu, Malta kienet kolonja Brittanika u kienet importanti ħafna bħala bażi mnejn forzi Brittaniċi jużaw vapuri, sottomarini u ajruplani tal-gwerra biex jattakkaw il-vapuri Ġermaniżi u Taljani sejrin il-Libja biex imexxu l-kampanja tal-Afrika ta’ Fuq fejn kien għaddej ġlied kbir biex jintrebaħ kontroll min-naħa jew oħra.

L-operazzjoni Brittanika kienet magħrufa bħala ‘Operation Pedestal’ magħmula minn 50 vapur, fosthom 15-il vapur tal-merkanzija, li telqu mill-Ingilterra fit-3 ta’ Awwissu u bdew il-vjaġġ perikoluħ tagħhom lejn Malta. Il-Ġermanja u l-Italja wżaw bombers, E-Boats, vapuri tal-gwerra, mini u sottomarini biex jippruvaw jeqirdu din il-flotta ġejja lejn Malta. Inqatlu 500 baħri Brittaniku. Inqerdu disa’ vapuri tal-merkanzija. Imma fl-aħħar dak li fadal mill-flotta rnexxielu jidħol fil-Port il-Kbir. Fosthom daħal il-vapur Amerikan SS Ohio bi provvista ta’ fuel tal-avjazzjoni u bis-saħħa t’hekk l-ajruplani tal-gwerra u s-sottomarini setghu jerġgħu jibdew jattakkaw lill-vapuri tal-gwerra Ġermanizi u Taljani. Eventwalment il-forzi Brittaniċi u Amerikani rebħu lill-Ġermaniżi u lit-Taljani fl-Eġittu u fil-Libja u fil-punent tal-Mediterran.

Peress li l-konvoj daħal fil-Port il-Kbir f’nofs Awwissu (nhar il-festa ta’ Santa Marija) ta’ 80 sena ilu, bdiet it-tradizzjoni li kien hemm xi ntervent divin min-naħħa ta’ Santa Marija biex issalva lil dawn il-vapuri u biex jidhlu u jsalvaw lill-poplu tagħna u l-forzi tal-alleati Brittaniċi-Amerikani kontra l-Ġermaniżi u t-Taljani.

Twemmin perikoluż fil-mirakli

Dan it-twemmin f’intervent divin favur Malta fi gwerer u assedji differenti jixbaħ lil dak it-twemmin li nsibu fi gżejjer fil-Paċifiku fejn in-nies tal-post jemmnu li jekk tagħmel ċertu talb u ċerimonji reliġjużi, jaslu fil-pajjiż vapuri jew ajruplani b’mod mirakoluż u jġibu tagħbija ta’ prodotti avvanzati u jtejbu ħafna l-ħajja tal-poplu.

Dan it-twemmin inxtered fost dawn il-gżejjer fil-Paċifiku waqt it-Tieni Gwerra Dinjija għax fil-gzejjer bdew jaslu vapuri u ajruplani mgħobbija bi prodotti avvanzati ħafna teknoloġikament f’dawn il-gżejjer li kienu tradizzjonali u fihom ma kienx wasal dan l-avvanz teknoloġiku.

Hawn min jgħid li dan it-twemmin għadu jeżisti f’partijiet differenti tad-dinja fejn il-poplu jemmen li t-titjib ta’ ħajjithom se jsir b’xi miraklu jew b’mod maġiku minn barra, minn pajjiżi oħra iħjed avvanzati.  Hemm pajjizi fejn dan l-intervent divin u mirakoluħ jaħsbuh li ġej “mis-suq” u  “mill-kapitaliżmu”. Dawk il-pajjiżi li jistennew it-titjib f’ħajjtihom ġej b’mod mirakoluż minn barra, minn xi pajjiżi oħra, jdagħjfu ħafna lilhom infushom għax flok jaħdmu u jaraw kif se jiksbu l-ħiliet u r-rieda biex jimxu ‘l quddiem għax jaħdmu iebes huma stess, jintelqu u jibqgħu jistennew is-salvazzjoni tagħhom ġejja minn barra, minn xi konvoj li jasal għandhom b’intervent divin u maġiku.

Ir-realta` turina li anki l-Konvoj ta’ Santa Marija wasal fostna bil-kuraġġ, bir-rieda, bil-ħila u bis-sagrifiċċji u l-mewt ta’ bnedmin kuraġġużi. Kull poplu jrid jaħdem bis-serjeta` hu stess jekk irid itejjeb ħajtu u hux jemmen f’xi miraklu.

Ekonomija

Sport