Friday, May 3, 2024

Tabib 24 siegħa kuljum fid-djar tal-anzjani … tobba ma jurux interess għas-sejħa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-servizz ta’ tabib mediku għal 24 siegħa kuljum fid-djar tal-anzjani, liema servizz kien qed ikun mistenni ħafna mill-anzjani u l-qraba u dan għax kien se jsolvi problemi li bħalissa qegħdin jiffaċċjaw l-istess anzjani meta jkollhom bżonn tabib, sabu intopp. Dan minħabba l-fatt li sejħa li nħarġet biex ikun hemm tobba li jkunu lesti jagħtu servizz 24 siegħa kuljum fid-djar tal-anzjani ma kienx hemm interess għaliha. Dan il-fatt qed iwassal biex sa issa għad hawn djar li għandhom problemi biex isibu tobba biex imorru u jipprovdu l-kura u l-assistenza meħtieġa lil anzjani fid-djar li jkunu fihom.  Waħda mill-problemi li kienu qed jiffaċċjaw id-djar hi dik li tobba kienu qegħdin jagħżlu li ma jmorrux jagħtu servizz fi djar tal-anzjani u dan minħabba raġunijiet diversi. Fatt li qed joħloq pressjoni kbira fuq l-amministrazzjonijiet tad-djar biex isibu tabib jew tobba li jmorru u joffru assistenza b’mod immedjat.

“Tabib ġieli idum ma jiġi … xi drabi ma jkunx jista’ u jiġi l-għada”

Talk.mt fl-aħħar jiem stħarrġet ma’ diversi anzjani u qraba tagħhom dwar is-servizzi mediku mogħti. Għalkemm il-qraba u anke l-anzjani huma konxji li meta anzjan jitlob għal tabib qed ikun hemm impenn biex jaraw isibux tabib, l-istess djar qed isibu problemi biex it-tabib jiġi.  “Kif narawha aħna m’hawnx tobba residenti 24 siegħa kuljum. Għandhom tabib iċemplulu imma dan mhux dejjem ikun jista’ jiġi, b’mod partikolari b’mod immedjat. Nifhmu li t-tobba għandhom il-pressjonijiet ta’ xogħol tagħhom imma ċertu każi ma jistgħux jistennew għax aktar ma jgħaddi ħin aktar tista’ tiggrava l-kundizzjoni li qed ibati minnha l-pazjent.”

Qraba oħra qalulna li “saret drawwa li tingħata mediċina minn fuq it-telefon. Jien naqbel aktar li jkun hemm tabib residenti fid-djar. Ħalli ma jkunx fid-dar il-ħin kollu, imma għallinqas meta tagħmel sejħa għalih, dan imur b’mod immedjat. Ma nippretendix li anzjan jagħmel sigħat jistenna għal kura medika għax isibu diffikultajiet biex isibu tabib”.

“Hemm wisq burokrazija … immur f’dar u rrid noqgħod nistenna l-infermiera tiġi bil-fajl…wisq telf ta’ ħin”

Talk.mt għamlet kuntatt ma’ diversi tobba, fejn xi wħud minnhom iddikjaraw li huma ma jagħmlux viżiti fid-djar tal-anzjani. Raġunijiet jidher li hemm diversi, iżda waħda mir-raġunijiet li l-aktar li ddejjaq lit-tobba hi dik marbuta ma’ burokrazija sakemm jinvistaw lill-pazjent.

Tabib li tkellem magħna qalilna li “tmur fid-dar tal-anzjani biex tara  każ wieħed jeħodlok ħafna ħin. Tmur u tispiċċa tistenna sakemm l-infermiera tiġi fil-kamra fejn ikun l-anzjan. L-infermiera mhux se ssibha ma tagħmel xejn imma tkun qed tassisti lil xi residenti oħra u għalhekk trid tistenna sakemm jiġi il-fajl. Dan hu proċess li jieħu ħafna ħin. Kont ħadt deċiżjoni li ma nmurx  viżiti fi djar tal-anzjani.”

Il-Ministeru għall-Anzjani Attiva jikkonferma nuqqas ta’ interess għal sejħa lit-tobba

Talk.mt quddiem din il-problema għamlet kuntatt mal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u staqsejnihom x’inhi r-raġuni li xhur ilu kien intqal li fid-djar tal-anzjani se jibda jkun hemm servizz ta’ tobba għal 24 siegħa iżda sa issa dan għadu mhux isir.  Staqsejnihom kif hemm anzjani li għandhom bżonn jarahom tabib u sa issa qed jiġu mċaħħdin minn dan. Staqsejna jekk jaħsbux li dan hu nuqqas ta’ dinjità għal dawn il-pazjenti. Staqsejna ukoll għaliex ilmenti ma’ Social Care Standards Authority  li saru matul iż-żmien, jidher li ma waslux biex titranġa is-sitwazzjoni ta’ tobba regolari. Infurmajna li hemm sitwazzjoni f’post partikolari fejn hemm min għandu bżonn kura u ma jafux lil min se jaqbdu jgħidu bħala tabib.

Il-Ministeru min-naħa tiegħu fit-tweġiba li tana qalilna li “l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva qed jieħu l-inizjattivi meħtieġa bil-għan li jkun hemm iktar tobba li jagħtu servizz fid-djar tal-anzjani. Diġa’ ttieħdet id-deċiżjoni importanti li l-kuntratti kollha li jridu jsiru ma’ djar tal-anzjani jkunu jpprovdu servizz ta’ GP 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa (24/7).”

Iddikjara li “filwaqt, li bħalissa hemm ukoll tliet konsulenti ngaġġati għal dan il-għan, ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet minn GPs. Sfortunatament, din is-sejħa ma ġibditx l-interess meħtieġ minn applikanti prospettivi.  Dan ma jaqtax qalb il-Ministeru li se jara li jsiru sforzi ikbar biex ikunu attirati iktar tobba lejn is-settur u għal dan is-servizz. Naturalment, is-settur jikkompeti ma’ oqsma oħra biex jiġbed lejh dawn it-tip ta’ professjonisti.”

Ta’ min jgħid li xhur ilu kien tħabbar li kien se jinħareġ avviż legali fejn permezz tiegħu  jiġu implimentati standards soċjali ġodda, li permezz tagħhom, il-proċeduri li bihom jitħaddmu d-djar ta’ kura residenzjali għall-anzjani, se jiġu regolati.

Dawn l-istandards huma bbażati fuq il-prinċipji li jassiguraw li l-anzjani jirċievu kwalunkwe kura li għandhom bżonn, li jkunu trattati b’rispett, li jkollhom il-privatezza tagħhom, li jkunu salvagwardjati minn abbużi, li jkunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom waqt li jħossuhom protetti u siguri, li jkunu trattati b’mod ugwali u jkollhom id-dritt li jressqu l-ilmenti tagħhom.

Sport