Saturday, May 18, 2024

Opportunità oħra biex ittejjeb jew iġġib l-O levels tiegħek fis-sena akkademika li ġejja 

Aqra wkoll

ĠEM16+ huwa programm edukattiv tal-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn joffri opportunità ta’ sena bi stipendju, biex studenti jkomplu jitgħallmu suġġetti akkademiċi li jwassluhom għall-eżamijiet tal-O Levels (SEC). Permezz ta’ kurrikulu riparatorju, l-għalliema jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti.  

ĠEM16+ joffri klassijiet żgħar għal kull suġġett. In-numru żgħir f’kull klassi jippermetti li l-istudenti jkollhom aktar appoġġ. L-attenzjoni individwali mill-istaff ta’ dan iċ-ċentru hi strumentali biex l-istudenti ta’ dan il-programm edukattiv jemmnu fihom infushom u jagħrfu aktar il-ħiliet tagħhom. 

Min jista’ japplika għal ĠEM16+?  Jistgħu japplikaw studenti:

  • li temmew l-edukazzjoni obbligatorja u għandhom ċertifikat ta’ tmiem mill-iskola sekondarja. (Secondary School Certificate and Profile), 
  • li kienu qagħdu għall-eżamijiet tal-O Levels jew għar-resits tagħhom, 
  • li għandhom bażi tajba tas-suġġetti mgħallma u jixtiequ jkomplu jirsistu fir-rotta akkademika.

Il-Programm Kurrikulari

F’ĠEM16+ l-istudenti huma mistennija jimxu fuq programm kurrikulari li jinkludi l-Edukazzjoni Fiżika u l-PSCD kif ukoll jippreparaw ruħhom għall-eżamijiet tas-SEC fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika, u f’wieħed mill-Fiżika, Bijoloġija jew ICDL. Studenti barranin għandhom l-opportunità li jidħlu anke fi klassijiet tal-Malti bħala Lingwa Barranija. 

Studenti li jkunu diġà ġabu suġġett minn dawn fl-eżami tas-SEC b’marka bejn 1 sa 5, ikunu eżentati milli jidħlu għal-lezzjonijiet. Minkejja dan, wieħed jista’ jimpenja ruħu sabiex itejjeb il-marka.  Mhuwiex eskluż li dawn l-istudenti jkunu jistgħu jidħlu għal lezzjonijiet f’suġġetti oħra partikolari minflok dawk li jkunu ġabu diġà. 

Studju u Assessjar

Il-programm jibda bi screening sabiex ikun hemm għarfien tal-ħtiġijiet ta’ kull student/a f’kull suġġett. B’hekk tinħadem strateġija riparattiva addatata għal kull individwu u l-enfasi ssir fuq fejn hemm l-aktar ħtieġa. Isir assessjar kontinwu bbażat fuq kisbiet stabbiliti sabiex jiġi assigurat il-progress meħtieġ. Dan kollu jseħħ b’metodi differenti skont kif tinħass il-ħtieġa minn kull dipartiment tas-suġġett. Xahar qabel l-eżamijiet tas-SEC, isir l-eżami summattiv ta’ ĠEM16+ f’kull suġġett. Bħala parti mill-aħħar preparazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC, l-istudenti jkollhom ukoll l-opportunità li flimkien mal-għalliema tas-suġġetti, janalizzaw l-eżamijiet summattivi tagħhom biex ikomplu jsaħħu ħtiġijiet partikolari. Iċ-ċertifikat aħħari ta’ ĠEM16+ mhuwiex imsejjes biss fuq l-eżami, iżda wkoll fuq l-Assessjar Kontinwu u l-Executive Functioning Skills (ġabra ta’ ħiliet li l-istudenti j/uru fil-klassi u fix-xogħol tagħhom bħall-attitudni, l-inizjattiva, il-komunikazzjoni u l-organizzazzjoni). Dan jagħti aktar opportunità lill-istudent biex juri il-ħiliet tiegħu, b’mezzi differenti.

Programm Akkreditat 

Il-programm edukattiv ĠEM16+ hu akkreditat b’kwalifika fuq livell 3 jew 2 tal-Malta Qualifications Framework. Din il-kwalifika tinkorpora s-suġġetti kollha li hemm fil-programm edukattiv. Apparti hekk, bi tkomplija sħiħa tal-programm, l-istudenti jistgħu jilħqu wkoll Awards fuq livell MQF 3 jew 2 permezz ta’ stand alone modules fil-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, il-Fiżika u l-Bijoloġija. Dawn il-livelli li jintlaħqu f’sena akkademika, jagħtu opportunità ikbar lill-istudenti ta’ ĠEM16+ biex ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Għaldaqstant, barra l-opportunità biex iġġib jew ittejjeb il-livell tal-O levels tiegħek, minn ĠEM16+ tista’ tilħaq dawn l-Awards li huma rikonoxxuti f’għadd ta’ istituzzjonijiet post-sekondarji oħra biex tkompli f’korsijiet ta’ livell 4.

Tim Pastorali

F’ĠEM 16+ l-istudenti se jsibu tim pastorali b’għalliema tal-Guidance u anke Mentors li jgħinu lil kull student  jimxi ’l quddiem permezz ta’ attenzjoni mill-qrib skont il-ħtieġa individwali.

Attendenza

L-istudenti kollha jkunu qegħdin jirċievu stipendju. Għaldaqstant hija mistennija attendenza regolari.

Sena Akkademika

Is-sena akkademika timxi fuq il-kalendarju tal-iskejjel sekondarji statali. 

Trasport 

Biex l-istudenti jaslu fiċ-Ċentru ta’ ĠEM16+ fil-Gżira huwa ssuġġerit li jintużaw dawn rotot tat-Trasport Pubbliku: 

  • numru 21 (Savoy), 22 (San Ġwann/Mater Dei) u 25 (San Ġwann) u jinżlu fil-waqfiet Rizzo jew Vilhena li jgħaddu minn Triq D’Argens Gżira. Dawn il-waqfiet qegħdin 5 minuti ’l bogħod miċ-Ċentru.
  • numru 13 (Baħar iċ-Ċagħaq), 14 (Pembroke), 15 (Sliema) u 16 (Swieqi) u jinżlu fil-waqfiet Gżira jew Ponsonby. Dawn jgħaddu min-naħa tax-xatt tal-Gżira u l-waqfiet qegħdin 10 minuti ’l bogħod miċ-Ċentru.

Tista’ tintuża’ wkoll il-venda tal-Università/Mater Dei li qiegħda 15-il minuta mixi ’l bogħod miċ-Ċentru ta’  ĠEM16+.

Uniformi 

Uniformi m’hemmx iżda l-istudenti huma mistennija li jiġu bi lbies xieraq filwaqt li jingħataw il-libertà li jesprimu ruħhom kif jixtiequ fi lbieshom u aċċessorji oħra.

Proġett tal-Erasmus+

Bl-iskop li nkomplu nsaħħu  s-servizz u s-sapport li jingħata lil kull student, ĠEM16+ huwa msieħeb fi proġett edukattiv iffinanzjat mill-Erasmus+, bl-isem Soluzzjoni b’Inklużjoni flimkien ma’ istituzzjonijiet simili mid-Danimarka, l-Italja u n-Norveġja. Dan il-proġett inħoloq bil-għan li jnaqqas in-numru ta’ studenti li ma jkomplux l-istudji tagħhom b’20% u jipprovdi l-għodod neċessarji u innovativi biex isaħħaħ il-kompetenzi ta’ dawn iż-żgħażagħ. F’dan il-proġett, li ġie mniedi fl-1 ta’ Settembru 2020 u jilħaq il-milja tiegħu fil-21 ta’ Awwissu 2023, l-edukaturi, il-ġenituri, u l-istudenti msieħba qed jaraw, jiddiskutu u janalizzaw esperjenzi varji li jwasslu għal esperjenza edukattiva taż-żgħażagħ aktar inklussiva. 

Applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet jinsabu onlajn fuq il-URL: education.gov.mt/gem16plus jew permezz ta’ formoli li jistgħu jinġabru kemm miċ-Ċentru fil-Gżira jew mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-Furjana. Dawn għandhom jinġiebu fiċ-Ċentru tal-Programm Edukattiv fil-Gżira.  Għal aktar tagħrif tista’ tidħol fuq il-paġna ta’ Facebook, ĠEM16+ jew iċċemplu fuq 25983850 għal appuntament personali. 

Titlifx din l-opportunità biex int tirnexxi wkoll! Applika issa! 

Sport