Tuesday, December 24, 2024

“Mhux faċli li f’Malta jkollna mudelli professjonali… lesta nkompli niżviluppa f’dan il-qasam”

- Shailey Micallef, ir-rebbieħa ta’ Miss Supranational Malta

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt 17 ta’ Lulju ġewwa l-Awditorium tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat, saret il-kompetizzjoni tal-Miss and Mister Supranational Malta organizzat minn Lorraine Sultana u Jean Zammit. Kien avveniment ferm mistenni mid-dilettanti tal-moda f’pajjiżna filwaqt li l-mudelli kienu ħerqana li jerġgħu jsibu posthom fuq il-catwalk għall-esebizzjoni personali tagħhom. Wara ħafna stennija u eċċitament, tħabbru r-rebbieħa finali ta’ dan il-konkors.

Raffael Fiddler rebaħ it-titlu ta’ Mister Supranational filwaqt li Shailey Micallef rebħet it-titlu ta’ Miss Supranational wara esebizzjoni ferm tajba li kellha. Hi rċeviet dan it-trofew b’libsa safra tagħti fl-aħdar. Shailey kellha tikkompeti ma’ 23 mudella oħra fejn ġiet ikklassifikata fl-ewwel post. Shania Degiorgio u Hayley Ghiller ikklassifikaw fit-tieni u t-tielet post.

Kemm Raffael kif ukoll Shailey se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-Miss and Mister Supranational fil-Polonja.

Aħna ħadna l-okkażjoni sabiex nintervistaw lil Shailey Micallef fejn dehret ferm kuntenta u sodisfatta b’dak li rnexxielha tagħmel.

“Personalment jien dħalt għal din il-kompetizzjoni biex nirbaħ għalkemm irrid nammetti li kien konkors ferm iebes minħabba li l-mudelli kollha kienu ppreparati.”

Micallef tirrikonoxxi s-sens ta’ grupp li kien hemm tul din il-kompetizzjoni mill-parteċipanti kollha. 
“Konna qisna familja u għalkemm konna qed nikkompetu kontra xulxin, urejna rispett reċiproku. Kont ferħana ferm li meta rċevejt ir-riżultat, kulħadd ġie jifraħli u dan juri l-għaqda li kien hemm.”

Shailey tgħid li l-fatt li ħadet sehem f’kompetizzjonijiet oħra għen ħafna sabiex tipproduċi l-aqwa wirja possibbli.

“Hawnhekk l-esperjenza għamlet id-differenza u għenitni sabiex inkun inqas eċitata. Minkejja kollox, xorta waħda jkun hemm dik il-biża’ żgħira sakemm tlesti l-wirja tiegħek speċjalment quddiem il-ġudikanti li jkunu barranin. Madankollu kont naf x’se nsib u dan għen ferm fl-eżibizzjoni tiegħi.”

Saqsejna lil Miss Supranational dwar kemm jgħodd li tkun sabiħa mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa. Hi qaltilna li parti mill-assessjar li jsir mill-ġudikanti hi proprju l-personalità tal-mudella. Fil-fatt dak li jkun irid ikollu l-pakkett sħiħ biex tkun tista’ timmudella fejn mhux is-sbuħija ta’ barra biss trid tidher iżda anke kif iġġib ruħek f’ċerti sitwazzjonijiet u l-mod ta’ kif tesprimi l-opinjoni tiegħek.

Peress li Shailey Micallef hi wkoll studenta fl-Universita’ ta’ Malta, saqsejniha kif jirnexxielha tlaħħaq mal-istudju u l-immudellar.

“Jien bniedma li nħobb nippjana ħafna l-ġurnata. Personalment jirnexxieli nlaħħaq sew f’dak kollu li nagħmel. Ma tantx jien bniedma li se noqgħod idi f’idi u għalhekk li nħobb nimla l-ġurnata b’ħafna affarijiet.”

Micallef tgħid li grazzi għall-ippjanar tal-ġurnata, kollox jiġi waħdu u għalhekk dejjem tkun taf x’ikun imiss wara. Tammetti wkoll li hi tfajla perfezzjonista fejn trid kollox eżatt.

Iżda Shailey għandha xi tip ta’ delizzji? Hi tgħidilna li ma tantx tħoss li għandha passatempi minħabba li wieħed mill-affarijiet li tħobb tagħmel hi proprju dik li tistudja. Għalhekk bejn skola, filming, immudellar u mitt elf ħaġa oħra, ftit ikollha ċans għal xi delizzju. 

U kemm għenuha l-ġenituri tagħha f’dak kollu li tagħmel? Hi tgħidilna li għal ommha l-għajnuna hi xi ħaġa naturali f’dan il-qasam minħabba li kienet mudella bħalha filwaqt li missierha jagħtiha ħafna kuraġġ li dejjem tista’ tagħmilha. Fuq dan tal-aħħar, Shailey ħadet eżempju ċar minnu.

“Missieri hu l-plejer tal-futbol Mano Micallef. Matul il-karriera tiegħu hu rebaħ diversi unuri u jien kont nara ħafna mil-logħbiet tiegħu. Barra minn hekk meta kont nara lil missieri jaqa’ wara xi daħla xejn kumplimentuża, kont nammirah li kien iqum mal-ewwel u lest biex ikompli jilgħab. Jien ħadt ħafna minn din il-kwalita’ li għandu.”

Hi semmiet ukoll lill-ġenituri tagħha bħala l-idoli ta’ ħajjitha minħabba l-kuraġġ kbir li jtuha.

“Il-ġenituri tiegħi huma xempju tal-imħabba, dedikazzjoni u persistenza. Jien inħares ħafna lejhom sabiex bħalhom nirnexxi f’dak li nagħmel.”

Ir-rebbieħa ta’ Miss Supranational kellha kliem ta’ tifħir għall-organizzaturi ta’ dan l-avveniment, Lorraine Sultana u Jean Zammit, minkejja ż-żminijiet xejn sbieħ li għaddejjin minnhom. Hi qalet li kollox ħareġ kif suppost u filwaqt li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, il-konkors kien immexxi b’mod professjonali. 

Iżda kif tara lilha nnifisha għaxar snin oħra? Shailey qalet li żgur se tibqa’ fil-qasam tal-moda għax dan il-qasam ifisser ħafna għaliha. Fl-istess waqt hi se tibqa’ tagħmel dak kollu li tħobb anzi lesta li tipperfezzjona aktar fuq dak li kisbet illum il-ġurnata. 

Ma’ Shailey tkellimna wkoll dwar l-opportunitajiet li għandhom il-mudelli f’pajjiżna. Dawn biżżejjed? Kapaċi mudell jew mudella jħaddnu dan ix-xogħol b’mod professjonali?

“Mhux xi ħaġa faċli li f’Malta jkollna mudelli professjonali. Jien personali ninsab saqajja mal-art u lesta nkompli niżviluppa ftit ftit f’dan il-qasam. Ix-xewqa hemm qiegħda għalkemm xejn ma jiġi b’xejn.”

Ekonomija

Sport