Wednesday, April 24, 2024

“Mhux għax int famuż jew sinjur se taħrab mill-ġustizzja!”

Nisa u organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom jilqgħu l-aħbar tal-arrestat tal-kantant famuż Kris Wu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Aħbar li qiegħda tagħti tama ta’ azzjoni konkreta kontra abbużi u/jew fastidju sesswali hija dik tal-arrest ta’ Kris Wu, stilla mix-xena mużikali u attur popolari ferm fiċ-Ċina. Il-pulizija lokali ħadet azzjoni wara li ġabret informazjoni relevanti minn rapporti fuq l-internet u arrestat lil Wu fuq suspetti ta’ stupru li jinkludu stediniet lil tfajliet biex ikollhom x’jaqsmu miegħu.

Nisa u l-moviment internazzjonali li jirrappreżentahom, #MeToo, laqgħu bi pjaċir dan il-pass fejn qegħdin jisħqu li mhux għax persuna tkun famuża jew sinjura tista’ tiżgiċċa mill-id tal-ġustizzja qisu xejn m’hu xejn.

Aktar kmieni din is-sena l-Gvern Ċiniż ħareġ għadd ta’ regolamenti ġodda u gwidi morali għall-artisti u persuni famużi mill-industrija tad-divertiment fejn wissa li se jittieħdu passi kontra kull min jikser il-liġi. Filwaqt li l-opinjoni hija maqsuma u Kris Wu qiegħed jiċħad l-allegazzjonijiet, ir-reazzjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi turi li fl-aħħar se jibdew jittieħdu passi legali konkreti fil-konfront ta’ persuni famużi u sinjuri li b’xi mod jiksru l-liġi. 

L-arrest ta’ Wu huwa meqjus bħala wieħed importanti ħafna minħabba li jinvolvi wieħed mill-akbar stilel fix-xena mużikali Ċiniża. Dan il-megastar magħruf lokalment bħala Wu Yifan, barra l-fama li kiseb bħala artist fl-industrija tad-divertiment, kien igawdi minn kuntratti ta’ miljuni ta’ Euro ma’ ditti prestiġġjużi internazzjonali.

Kemm #MeToo Movement, kif ukoll il-vittmi u n-nisa f’dan il-pajjiż, stqarru pubblikament li ferħu meta semgħu bl-arrest għax “fl-aħħar qiegħda ssir ġustizzja mal-vittmi”. Fil-ġurnal “The Guardian” jingħad li dan l-aħħar saru ħafna rapporti relatati ma’ fastidju sesswali, abbuż u/jew vjolenza fuq in-nisa iżda kollha ma ngħatawx widen… kif jgħid l-Ingliż, “swept under the carpet”. Uħud minn dawn l-atti kriminali kienu twarrbu jew “ġew maħfura” b’ċensura poltika u hekk kien qiegħed jiġri f’każijiet irapporti lill-awtoritajiet fuq Wu. 

Iżda, minkejja l-fama tiegħu, editorjali tal-midja nazzjonali baqgħu jippersistu u jikkritikaw lil Wu tant li l-attivitajiet online tiegħu, kif ukoll xandiriet permezz ta’ streaming, twaqqfu. Min-naħa tiegħu l-gvern qiegħed jagħmel ċertu ċensura biex iwaqqaf il-kultura ta’ protezzjoni lill-persuni famużi. Fil-fatt Beijing ħareġ b’liġijiet ġodda li jindirizzaw il-problema tal-kultura ta’ ammiraturi online li jsegwu persuni famużi mid-dinja tal-ispettaklu.

Provi tal-abbuż fuq tfajliet minn Wu

Wu, kantant Ċiniż-Kanadiż kif ukoll attur, sar famuż bħala membru tal-grupp mużijali maskili Korean “EXO”. Huwa ġie arrestat mill-pulizija l-ġimgħa l-oħra.

Fi stqarrija l-pulizija qalet li ħadet azzjoni wara li waslulha rapporti fuq attivitajiet illegali online. “Wu qiegħed jinżamm arrestat fuq akkużi kriminali li jinkludu stediniet lil tfajliet biex ikollhom attivitajiet sesswali miegħu”. 

Din l-aħbar waslet wara għadd ta’ posts fuq il-midja soċjali kif ukoll intervisti ma’ Du Meizhu, influencer ta’ 19-il sena li allegat li Wu attakaha sesswalment meta kien għad kellha 17-il sena. Hija qalet li għandha l-provi tal-abbuż fuq tfajliet minn dan l-artist. Du spjegat kif hija kienet iltaqgħet ma’ Wu biex jiddiskutu opportunitajiet ġodda fil-karriera tagħha meta allegatament, dan tagħha ħafna xorb alkoħoliku u kellhom x’jaqsmu meta hija kienet fis-sakra.

Wara li Du tkellmet dwar it-trawma li għaddiet minnha, tfajliet oħra ħarġu b’allegazzjonijiet simili dwar dan l-artist. Jingħad li Wu kien juża sistema partikolari biex iqarraq b’nisa, tfajliet u bniet taħt l-età billi jwegħdhom karriera u minflok kien jabbuża sesswalment minnhom.

Wu min-naħa tiegħu qiegħed jiċħad dawn l-allegazzjonijiet b’messaġġi online fuq “Wiebo”, li fuqu għandu 52 miljun segwaċi. “Qatt ma kien hemm sess fi gruppi. Qatt ma kien hemm involuti persuni taħt l-età. Jekk kien hemm xi ħaġa bħal din, kieku jien stess naqfel lili nnifsi f’ħabs!” 

Skont Bloomberg kemm Wu, kif ukoll Du, kienu talbu lill-pulizija biex jinvestigaw. Kien wara dawn it-talbiet li l-pulizija investigat u ddeċidew li jarrestaw lill-kantant.

Potenzjal ta’ bidla importanti

Għal ħafna nisa fiċ-Ċina dan l-arrest għandu potenzjal ta’ bidla importanti fil-pajjiż fejn huwa mistenni li s-soċjetà u l-awtoritajiet fl-aħħar jibdew jieħdu b’aktar serjetà theddid u abbuż fuq in-nisa. Fiċ-Ċina, il-fastidju sesswali u każijiet ta’ attakki ta’ din in-natura rari jitressqu l-qorti mentri, ħafna drabi, il-pulizija jikklassifikaw il-vjolenza domestika bħala kwistjoni familjari.

Każ ċivili li għaddej bħalissa dwar allegat abbuż minn preżentatur televiżiv, jinsab għaddej bħalissa wara bibien magħluqa. Dan huwa probabbilment l-aktar każ ta’ profil għoli għall-moviment #MeToo fiċ-Ċina. Il-ħidma ta’ dan il-moviment u organizzazzjonijiet femministi oħra m’hiex waħda faċli u fil-fatt waħda mill-intoppi li kellhom seħħet f’dawn l-aħħar xhur meta s-siti u l-kontijiet online tagħhom ġew iċċensurati u magħluqa. 

Lu Pin, akkademika u kummentatriċi magħrufa li tiġġieled għad-drittijiet tan-nisa, dan l-aħħar kitbet li l-arrest ta’ Wu juri li fiċ-Ċina fl-aħħar qiegħda tinbidel il-mentalità u l-opinjoni pubblika fejn tidħol imġieba sesswali ħażina. Ma’ din il-bidla hemm il-ħidma li qiegħda tħalli frott mill-movimenti tan-nisa u #MeToo li, “minkejja d-diffikultajiet kbar li jiffaċċjaw, qegħdin dejjem jissaħħu”.

Sfruttament minn persuna ta’ poter…

Din ma kinitx l-ewwel darba li Wu kien akkużat bi trattament ħażin fil-konfront tas-sess ġentili. Fil-fatt fir-rapport jingħad li ħames snin ilu kien hemm għadd ta’ allegazzjonijiet fuq l-artist iżda ma ttieħdet ebda azzjoni legali fil-konfront tiegħu. “Iżda, illum il-ġurnata fuq il-midja soċjali numru kbir ta’ nisa qegħdin jagħtu s-sostenn tagħhom lil Du. Ħafna minn dawn jisħqu li dak li Wu allegatament għamel lil din it-tfajla u lil nisa oħra, kien sfruttament minn persuna ta’ poter,” kompliet Lu.

Wara eluf ta’ kummenti negattivi u kritika, jingħad li għadd ta’ ditti prestiġġjużi internazzjonali fosthom Louis Vuitton, Porsche u Bulgari, għażlu li jħassru l-kuntratti li kellhom ma’ dan l-artist qabel ma ġie arrestat.

L-avviż li l-pulizija Ċiniża tellgħet fuq is-sit tagħha, ġabar miljuni ta’ likes u nxtered ħafna fuq il-midja soċjali. Uħud mill-kummenti li nkitbu fuq il-kont ta’ Wu wara din l-aħbar kienu jgħidu “itlaq miċ-Ċina”. Hastag ukoll kellu biljuni ta’ views. Dan kollu, però, wasal biex is-sostenituri ta’ Wu rritaljaw tant li ddefendew l-idolu tagħhom u tkellmu favur tiegħu. 

Din l-attività online wasslet biex il-Kummissjoni dwar l-Affarijiet Cyberspace għalqet aktar minn 4,000 kontijiet online, 1,300 gruppi ta’ ammiraturi, 814 hashtags u 150,000 posts li jirrigwardaw lil Wu. Però, la din il-Kummissjoni u lanqas il-pjattaformi tal-midja soċjali, ma taw spjegazzjoni dwar liema regoli nkisru qabel ma ħadu dan il-pass drastiku.

Il-kontijiet tal-midja soċjali ta’ Wu nnifsu, li bihom ġabar miljuni ta’ segwaċi, ingħalqu wkoll u l-mużika tiegħu twaqqfet milli tixxandar fuq is-servizzi online. Il-midja tal-istat ippubblikat għadd ta’ twissijiet li l-fama u ċ-ċittadinanza barranija ma kienux ta’ protezzjoni minn presekuzzjoni fil-konfront ta’ persuni li jiksru l-liġi.

Il-gvern Ċiniż qabel ma ddeċieda li jibda “inaddaf” l-industrija tal-ispettakklu minn artisti u persuni famużi li b’xi mod kisru l-liġi, kien diġà ħa passi biex l-istess ċirku ta’ nies ma jibqgħux jevadu t-taxxi u ordna investigazzjonijiet fuq is-salarji għolja li jaqilgħu.

Ir-regoli l-ġodda li fil-bidu dehru li huma bbażati fuq prinċipji nazzjonalisti, huma forma ta’ duttrina biex “kulħadd juri mħabba lejn art twelidu”. Fl-istess waqt, l-istess regoli jinkludu miżuri biex “titnaddaf l-industrija tal-ispettaklu” fejn anke m’għadux permess li persuna b’tattoo tidher fuq it-televiżjoni,

Ħafna mill-kummenti mill-midja tal-istat dwar Wu kienu dwar l-importanza li persuni famużi għandhom ikunu ta’ eżempju għall-bqija tas-soċjetà u mhux bil-kontra. 

Fiċ-Ċina kien ilu li wasal iż-żmien li jinbidlu d-dinamiċi eżistenti li hemm fis-settur tad-divertiment u rapporti lokali ddikjaraw li l-każ ta’ Wu mistenni jheżżeż u jpoġġi lil din l-industrija. f’postha.

Sport