Tuesday, April 30, 2024

Miċħuda għal darb’oħra t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cassar

Aqra wkoll

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħad mill-ġdid it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Roderick Cassar, li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice f’Novembru tas-sena li għaddiet f’Kordin.

L-Imħallef Camilleri kien sema’ s-sottomissjonijiet tal-avukati ta’ Cassar u anke tal-prosekuturi b’rabta mat-talba għal-libertà proviżorja li ġiet ippreżentata fil-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa.

L-avukati difensuri argumentaw li x-xhieda pajżana kollha xehdu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda. Huma insistew li l-Prosekuzzjoni mhu se jkollhom l-ebda żviluppi ġodda.

Min-naħa l-oħra, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li Cassar jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li r-reat li bih qed jiġi akkużat l-imputat huwa wieħed serju ħafna.

Ingħad ukoll li filwaqt li Cassar huwa preżunt innoċenti, madankollu, ir-reati allegatament imwettqa saru wkoll bi ksur tal-ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Qorti. Dan fi kliem il-Prosekuzzjoni stess juri li Cassar ma kienx persuna affidabbli.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Avukati Angele Vella, Darlene Grima u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Jacob Magri dehru għal Cassar.

Sport