Iċ-champion nazzjonali Malti tat-triathlon Keith Galea reġa’ kiseb riżultat eċċellenti barra minn xtutna hekk kif rebaħ il-midalja tal-fiddia fil-Kategorija tal-etá ta’ 35-39 sena fil-Kampjonati Ewropej tat-Triathlon li saru f’Tarragona fi Spanja. It-tellieqa saret nhar it-13 ta Gunju u kienet fuq distanza Sprint li tikkonsisti f’għawma ta’ 750m, rota ta’ 20km u ġirja ta’ 5km.
Galea għamel l-għawma f’ħin ta’ 11-il minuta. Wara l-ewwel transizzjoni, Galea rnexxielu jkun fi grupp fejn sab kollaborazzjoni tajba ma’ atleti oħra u żammew pass vera tajjeb. Il-korsa kienet wara fit-tlajja u ftit teknika fejn wieħed irid jieħu ċerti riskji kkalkulati biex xorta jżomm ċertu pass. Huwa għamel 20km fi 28minuta u 15-il sekonda.
Kienet il-ġirja ta’ 5lm li ddeċidiet min kellu jirbaħ hekk kif l-ewwel tliet atleti fosthom Galea bdew il-ġirja flimkien. Huwa għamel is-sezzjoni tal-ġirja f’ħin ta’ 17-il minuta u 40 sekonda biex għamel ħin totali ta’ 1.00.31, biex b’dan ir-riżultat irnexxielu jirbaħ il- midalja tal-fidda, 30 sekonda biss ‘il bogħod mid-deheb.
Galea qal li jinsab vera kuntent li rebaħ din il-midalja għax kien ilu ftit jipprova jirbaħ waħda u dejjem jitlifha bi ftit sekondi. Huwa qal li kien viċin li jirbaħ id-deheb u determinat li jkompli jitħarreġ biex jirbaħ midalja tad-deheb. Bħala prestazzjoni qal li kienet waħda tajba ħafna fejn avolja qed jiffoka fuq tlietaq ta’ distanzi twal, il- prestazzjoni tiegħu kienet waħda ta’ livell għoli.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, huwa xtaq jirringrazzja lil-isponsors tiegħu Eurosport Malta, Adistores Malta, Bike it up Racing, TeamBarry, Team Fabio, Team Stazi, it- terapista tiegħu Duncan Abdilla, Starbene Takewhey, Malta Triathlon Federation u SportMalta tas-sapport kontinwu li jagħtuh.

