Għal dan il-Gvern, is-saħħa mentali hija fost l-ogħla prijoritajiet tal-politika tiegħu. Diġà sar u qed isir ħafna f’dan ir-rigward. Tant hu hekk, li fejn tidħol l-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali, ix-xogħol miexi kif ippjanat.
Il-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ta ħarsa lejn il-ħidma imwettqa f’dan il-qasam meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ.
Il-Ministru Abela beda biex spjega li f’Monte Carmeli baqgħu jitnaqqsu n-numru ta’ pazjenti. L-enfasi hi, li fejn hu possibbli, il-kura tingħata fil-komunità. Semma kif il-ġimgħa l-oħra tnieda l-Community Outreach Team ġewwa Għawdex.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva fakkar ukoll li f’Novembru li għadda, il-Gvern ta bidu għall-investiment ta’ €4.5 miljun għal servizzi fil-komunità bis-sehem tal-Kunsilli Lokali, bil-mira hi li jintlaħqu mad-90,000 persuna li għandha bżonn din l-għajnuna u tibqa’ attiva fil-komunità.
Minbarra dan, irid jingħad li żdiedu l-mediċini b’xejn fil-formularju tal-mediċini għall-użu kemm ġewwa kif ukoll barra l-Isptar. Ġie żviluppat ukoll Crisis Resolution Home Treatment Team biex jagħti servizz ta’ kriżi bikri tul il-ġimgħa kollha, anke ġewwa d-djar.
Dan minbarra s-servizz telefoniku tal-1579 erbgħa u għoxrin siegħa kuljum biex jingħata sapport u direzzjoni lil min ikollu bżonn. Il-Ministeru tas-Saħħa jaħseb fl-anzjani u jsaħħaħ is-servizzi psikjatriċi għalihom fil-komunità.
Il-Ministru Abela stqarr li billi dan hu Ministeru li jaħseb anke fl-anzjani, ġew imsaħħa s-servizzi psikjatriċi għall-anzjani fil-komunità. Biex dawn is-servizzi jkunu tal-ogħla kwalità, ma jonqosx it-taħriġ lll-professjonisti. Għalhekk, ġiet żviluppat Recovery Academy biex jiżdied it-taħriġ speċifiku għall-professjonisti, inkluż lit-tobba tal-familja, kemm ġewwa l-isptar kif ukoll fil-komunità.
Fl-istess waqt, it-tobba speċjalizzati fil-mediċina tal-familja fis-settur pubbliku u fis-settur privat ingħataw id-drittijiet li jiktbu riċetti mediċi għal numru konsiderevoli ta’ mediċini psikjatriċi li jingħataw b’xejn fuq l-Iskeda V lil min hu intitolat għal mediċini b’xejn sabiex jiżdied it-trattament f’waqtu.