Wednesday, July 24, 2024

Mil-lum jibda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 tal-Izibet FA Trophy

Aqra wkoll

F’dawn it-tlett ijiem, se jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 tal-Izibet FA Trophy, bi programm kompost minn partiti mill-aktar inte­ressanti.

Il-holders Birkirkara jiffaċċjaw lil Sirens filwaqt li żewġ konfronti li jidhru bilanċjati huma Sliema Wanderers v Balzan u Gzira Uni­ted v Hibernians.

Birkirkara v Sirens: Fuq il-karta, Birkirkara jibdew favoriti hekk kif Sirens jinsabu fiż-żona l-ħamra tal-kampjonat u b’possibbiltá kbira li jitilfu post­hom mal-kbar. 

Fir-round preċedenti, il- Karkariżi eliminaw lit-team taċ-Challenge League, Attard, iżda kellhom jit­ħabtu biex għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1.

Min-naħa tat-team minn San Pawl il-Baħar, huma eliminaw lit-team tal-Ewwel Diviżjoni Għawdxija, Nadur Youngsters, bl-iskor ta’ 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 1-1.

Din se tkun l-ewwel partita bejn dawn iż-żewġ ti­mi­jiet f’din il-kompetizzjoni. 

Mosta v Valletta: Din hija partita bejn żewġ timiijet li ġejjin minn rebħiet kbar.

Filwaqt li Valletta għelbu lit-team tal-Ew­wel Diviżjoni Għawdxija, Għajnsielem, bl-iskor ta’ 7-1 … Mosta għelbu lil Pietá Hotspurs, li jilagħbu fiċ-Challenge League, bl-iskor ta’ 5-1. 

Din se tkun ir-raba’ darba li dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu fejn fit-tlieta pre­ċedenti, il-Beltin dejjem ħar­ġu rebbieħa.

Floriana v Zebbug R.: Floriana, li bħalissa għaddejjin minn forma brillanti, jiltaqgħu kontra Zebbug Ran­gers li jinsabu fl-14-il post taċ-Challenge League.

Il-Greens eliminaw lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-0 waqt li r-Rangers għelbu lil Tarxien Rainbows u lil Zabbar St Patrick bl-iskor identiku ta’ 2-1 fl-ewwel round u fl-Aħħar 32 rispettivament.

Din se tkun it-tielet partita bejn iż-żewġ timijiet, bl-aħħar laqgħa tkun dik ta’ nhar it-23 ta’ Mejju, 1974, fejn il-Furjaniżi kienu ħar­ġu rebbieħa 2-0. 

Marsaxlokk v Swieqi U.: Din hija wkoll logħba bejn team mill-Kampjonat Premier u ieħor miċ-Challenge Lea­gue fejn Marsaxlokk jibdew favoriti.

Dawn tal-aħħar ġejjin minn rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Zejtun Corinthians taċ-Challenge League, filwaqt li Swieqi Unite għelbu lil St George’s (Amateur League B) 5-1 u lil Luqa St Andrew’s (Challenge Lea­gue) 2-1.

Gzira U. v Hibernians: Dan huwa konfront mill-aktar bilanċjat bejn żewġ timijiet tal-Premier.

Gzira ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq Fgura United miċ-Challenge League filwaqt li Hibernians għelbu lit-team Għawdxi tal-Ewwel Diviżjoni, Qala Saints, 2-0.

Din se tkun il-ħames laqgħa biex il-Maroons u l- Pawlisti.

Sliema W. v Balzan: Anke dan il-konfront mistenni jkun bilanċjat u indeċiż.

Sliema Wanderers eliminaw lil Marsaskala, li jilagħbu fl-Amateur League B, 3-0 filwaqt li l-Balzanin kellhom jitħabtu aktar meta għelbu lit-team miċ-Challenge Lea­gue, Zurrieq, bl-iskor ta’  2-1.

Din se tkun it-tielet laq­għa bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn it-tnejn preċedenti ġew deċiżi bl-għoti tal-pe­nalties favur il-Wanderers. 

Sta Lucia v Mgarr U.: Minkejja li jinsabu fil-periklu tar-relegazzjoni għaċ- Challenge League, Sta Lucia xorta waħda jibdew favoriti li jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja meta jaffrontaw lit-team tal-Amateur League B, Mgarr United.

Il-Luċjani eliminaw lit-team miċ-Challenge League, Marsa, bl-iskor ta’ 2-0 filwaqt li Mgarr biex waslu sa dan l-istadju, rebħu lil Msida St Joseph, miċ-Challenge Lea­gue, bl-iskor ta’ 3-1.

Dan se jkun l-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet.  

Hamrun S. v Gudja U.: Dan il-programm jagħlaq bil-logħba bejn żewġ timi­jiet mill-Kampjonat Premier … inċidentalment … il-leaders Hamrun Spartans u t- team tal-qiegħ Gudja Uni­ted.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa identika ta’ 3-0 … Hamrun kontra Lija Athletic miċ-Challenge League u Gudja fuq it-team mill-Ewwel Diviżjoni Għawdxija, Xewkija Tigers.

Din hija t-tielet darba li Hamrun u Gudja United se jiltaqgħu f’din il-kompetizzjoni.

Ekonomija

Sport