“Sħabna tan-naħa l-oħra din is-sena ddandnu b’viżjoni hekk imsejħa ta’ eċċellenza. Aħna mhux duħħan qed noffru, iżda miżuri konkreti ta’ eċċellenza biex bil-fatti nsaħħu l-kwalità tal-ħajja tad-diversi faxex tas-soċjetà u tal-ġenerazzjonijiet kollha, minn anzjani sa tfal li għad iridu jitwieldu jew li jiġu addottati”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Dr Michael Falzon waqt id-diskussjoni tal-estimi finanzjarji allokati skont il-budget għas-sena li ġejja.
Filwaqt li tkellem dwar kif minn valutazzjoni tal-benefiċċji ġodda li ħoloq gvern Laburista mill-2015 sal-lum, ħallew aktar minn €456 miljun fil-bwiet tal-benefiċċjarji l-Ministru qal li ma jistax jifhem kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-wiċċ jgħid li dan il-gvern abbanduna l-familji jew li żied aktar piżijiet fuq in-nies.
“Imqabbla man-nefqa soċjali li kellna meta dħalna fil-Gvern fl-2013, l-allokazzjoni rekord ta’ biljun u kawżi €500 miljun fuq benefiċċji soċjali, turi żieda ta’ 90 fil-mija, qabża ta’ aktar minn €705 miljuni”, kompla l-Ministru Falzon filwaqt li saħaq li rridu nkunu realistiċi li l-ġlieda kontra l-faqar ma tistax tieqaf. B’hekk huwa żied li din il-ġlieda kontra l-faqar tibqa’ fil-qofol tal-programm soċjali u ekonomiku tal-Gvern.
F’ċertu dettall huwa spjega kif fost miżuri oħra, il-gvern irnexxielu jeqred il-prekarjat u ħoloq inċentivi għal dawk fuq l-assistenza soċjali u persuni b’diżabbiltà biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fakkar kif biex jiżdied id-dħul tal-familji nħoloq il-benefiċċju għal ġenituri fl-impjieg, bi tfal taħt it-23 sena.
Inċentiv ieħor b’saħħtu kienet żieda fiċ-Children’s Allowance u t-tnedija tas-suppliment annwali għal kull wild fil-familja. Bonus għal wild ġdid jew addottat fil-familja.
Għall-pensjonanti, il-Ministru fakkar kif kuntrarjament għal dak li kienu mdorrijin bih il-pensjonanti, gvern Laburista żied ripetutament il-pensjonijiet u saħansitra għen lil dawk li ma kellhomx biżżejjed bolol imħallsa biex jaslu jikkwalifikaw għal pensjoni. Dawk li xorta ma klassifikawx, ingħataw għotjiet li żdiedu wkoll. Dawk ’il fuq minn 75 sena ġew inkoraġġiti jkomplu jgħixu fil-komunità b’aktar inċentivi.
Anomaliji tal-imgħoddi
Huwa qal ukoll li fi tmiem din il-ġimgħa mill-ġdid il-Gvern se jżomm kelmtu mal-eluf ta’ persuni li fl-imgħoddi ġarrbu xi inġustizzja fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Huwa ħabbar li mhux biss il-pagamenti ta’ din is-sena se jsiru iżda wkoll qed jallokaw somma oħra ta’ flus biex tkompli l-iskema għal dawk milquta fis-settur pubbliku u biex jingħata kumpens finanzjarju lil dawk il-ħaddiema f’għadd ta’ entitajiet li sofrew telf fid-dħul tagħhom tort ta’ deċiżjonijiet arbitrarji mwettqa fil-konfont tagħhom.