Saturday, October 17, 2026
Home Sport Stevie Camilleri … filwaqt li l-aħħar premju se jibqa’ miegħu għal dejjem,...

Stevie Camilleri … filwaqt li l-aħħar premju se jibqa’ miegħu għal dejjem, il-ħsieb diġà jinsab fuq dak li jmiss

0
74

Minn Cristian Muscat

Stevie Camilleri kompla jżid kapitlu ieħor ma’ karriera mill-aktar prestiġjuża fil-waterpolo Malti wara li ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena tal-Kampjonat Premier 2026 waqt is-serata tal-unuri individwali organizzata mill-ASA.

Għal Camilleri, captain ta’ Neptunes u għal snin twal ukoll figura ewlenija fit-tim nazzjonali Malti, dan l-unur għandu tifsira partikolari. Minkejja l-esperjenza tiegħu u l-ħafna suċċessi miksuba matul il-karriera, li wieħed jibqa’ jiġi rikonoxxut fuq livell individwali f’dan l-istadju tal-karriera tiegħu huwa xhieda tal-konsistenza, id-dedikazzjoni u l-livell għoli li rnexxielu jżomm matul is-snin.

F’intervista ma’ dan il-sit, Camilleri qal li dan is-suċċess iħossu differenti minn dawk li kiseb fil-passat. Meta plejer ikun ilu tant snin jikkompeti fl-ogħla livell, il-fatt li jibqa’ jilħaq standards għoljin u jikkompeti ma’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ plejers jagħmel rikonoxximent bħal dan aktar speċjali.

“Verament napprezza ħafna dan l-unur u dan huwa wieħed minn dawk il-mumenti li se nibqa’ nġorr miegħi għal dejjem. Kull unur fih is-sbuħija tiegħu u dan li għadni kemm rbaħt, xejn inqas.”

Il-karriera ta’ Camilleri hija waħda mill-aktar notevoli fl-istorja riċenti tal-waterpolo Malti. Twieled fl-4 ta’ Lulju 1987 u minn età żgħira kien involut fl-isport. Qabel għażel il-waterpolo, ipprattika dixxiplini differenti fosthom il-basketball, il-football, il-handball u l-għawm. Eventwalment kien il-waterpolo li sar l-isport tiegħu u li fih kellu jibni karriera ta’ livell għoli kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.

Il-vjaġġ tiegħu ma’ Neptunes WPSC beda minn età żgħira ħafna. Ta’ madwar 15-il sena kien diġà qed jingħata opportunitajiet mal-ewwel tim u maż-żmien sar wieħed mill-aktar plejers influwenti tal-klabb.

Matul il-karriera tiegħu rebaħ diversi kampjonati u unuri domestiċi ma’ Neptunes, filwaqt li l-prestazzjonijiet tiegħu wassluh ukoll għal diversi rikonoxximenti individwali.

Is-sena 2026 kompliet tikkonferma din il-lonġevità hekk kif mhux biss kien protagonist fir-rebħ tal-Kampjonat Premier minn Neptunes, iżda issa żied ukoll l-unur personali ta’ Plejer tas-Sena.

Dan l-aħħar suċċess għandu importanza akbar meta wieħed iqis il-kompetizzjoni fil-waterpolo lokali u l-fatt li Camilleri baqa’ jkun protagonist wara tant snin fl-ogħla livell.

Il-karriera tiegħu, iżda, ma kinitx limitata għall-gżejjer Maltin.

“Bħalma taf, kelli esperjenza importanti ma’ Partizan Belgrade fis-Serbja fl-istaġun 2007-08 u wara bnejt karriera twila fil-waterpolo Taljan. Fost il-klabbs li rrappreżentajt kien hemm Rari Nantes Bogliasco, 7 Scogli, Ortigia u Roma Nuoto. Dawn l-esperjenzi tawni l-opportunità li nikkompeti f’ambjent professjonali u kontra plejers ta’ livell internazzjonali.”

Il-kontribut tiegħu mat-tim nazzjonali Malti wkoll kien wieħed straordinarju.

Wieħed mill-mumenti li jibqa’ sinonimu mal-karriera tiegħu wasal fil-Kampjonat Ewropew tal-2016 f’Belgrad, meta Camilleri spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni b’21 gowl. Kienet kisba notevoli għall-plejer Malti f’kompetizzjoni li fiha kienu preżenti wħud mill-aqwa plejers tal-waterpolo Ewropew u dinji.

Fl-2015 kien ukoll ingħata l-unur tal-Isportiv tas-Sena, filwaqt li tul il-karriera tiegħu ġabar diversi rikonoxximenti oħra. Fl-2011, pereżempju, kellu staġun mill-aqwa ma’ Neptunes meta skorja 107 gowls fil-kompetizzjonijiet tas-sajf.

Aktar riċenti, fil-Kampjonat Ewropew tal-2026, Camilleri kompla jmexxi lil Malta bħala captain u laħaq ukoll tragward personali importanti ta’ 60 gowl fil-Kampjonati Ewropej.

Minkejja dan kollu, mill-kliem tiegħu wara l-aħħar unur joħroġ ċar li l-mentalità tiegħu tibqa’ waħda ffukata fuq dak li jmiss aktar milli fuq dak li diġà kiseb.

Meta mistoqsi dwar il-futur, Camilleri ma riedx iħares wisq ’il quddiem.

“Għalija, il-filosofija tibqa’ wieħed sempliċi: jum wara jum u ġimgħa wara ġimgħa.”

Il-ħidma ma tiqafx mal-għoti tal-premju. Wara ċ-ċelebrazzjoni tas-suċċess, ir-rutina terġa’ tibda. It-Tnejn jerġa’ jkun hemm is-sessjoni ta’ taħriġ, u magħha tibda ħidma oħra biex iżomm il-kundizzjoni u l-livell meħtieġ biex ikompli jikkompeti.

Huwa proprju din il-filosofija li għenu jibqa’ fuq nett għal perjodu daqshekk twil.

F’karriera sportiva, speċjalment f’dixxiplina fiżikament impenjattiva bħall-waterpolo, mhux faċli li wieħed jibqa’ kompetittiv għal aktar minn għoxrin sena.

L-aħħar unur għalhekk mhuwiex biss premju għal staġun wieħed. Huwa wkoll rikonoxximent ta’ plejer li rnexxielu jadatta, jibqa’ jitħarreġ u jżomm il-motivazzjoni minkejja li diġà kiseb ħafna mill-unuri li jista’ joffri l-waterpolo Malti.

Is-serata tal-ASA rat ukoll lil Nikolai Zammit ta’ San Ġiljan jingħata l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-Premier għall-2025, filwaqt li Elena Borg, captain tat-tim nazzjonali tan-nisa u plejer ta’ San Ġiljan, rebħet l-unur tal-Plejer tas-Sena tan-nisa kemm għall-2025 kif ukoll għall-2026. Alexander Ciric, li mexxa lil Neptunes għat-titlu, ġie magħżul bħala l-Aqwa Kowċ tal-Premier għall-2026.

Iżda għal Stevie Camilleri, il-premju tal-2026 huwa tifkira oħra speċjali f’karriera mimlija mumenti importanti.

Wara tant kampjonati, gowls, esperjenzi barra minn Malta, logħbiet internazzjonali u unuri individwali, Camilleri għadu hemm, jikkompeti, jitħarreġ u jilħaq livelli għoljin.

U filwaqt li l-aħħar premju huwa wieħed li, fi kliemu, se jibqa’ miegħu għal dejjem, il-ħsieb diġà jinsab fuq dak li jmiss.

It-Tnejn jerġa’ jibda t-taħriġ. Imbagħad, jum wara jum u ġimgħa wara ġimgħa, ikompli kapitlu ieħor fil-karriera ta’ Stevie Camilleri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here