Saturday, October 17, 2026
Home Sport ‘Kapitlu ġdid, sfida ġdida, l-istess ambizzjoni’ – Dino Zammit

‘Kapitlu ġdid, sfida ġdida, l-istess ambizzjoni’ – Dino Zammit

0
60

Minn Cristian Muscat

Valletta United ASC ħabbru l-akkwist ta’ Dino Zammit b’kuntratt ta’ erba’ snin.

Plejer rebbieħ u b’esperjenza kbira, li jaf eżattament x’hemm bżonn biex tikkompeti u tirbaħ fl-ogħla livell tal-waterpolo Malti.

– 4× Rebbieħ tal-Kampjonat

– 7× Rebbieħ tat-Tazza Knock-Out

Dino jingħaqad ma’ Valletta United wara li rebaħ 3 kampjonati u 6 Tazzi Knock-Out ma’ San Ġiljan, segwiti minn kampjonat ieħor u Knock-Out ma’ Sliema ASC, flimkien ma’ suċċessi oħra fil-Kampjonat tax-Xitwa u l-Enemed Cup matul is-snin.

Issa jibda kapitlu ġdid mal-Beltin, kapitlu li jġorr miegħu sens speċjali ta’ storja u nostalġija. Dino jimxi fuq il-passi ta’ missieru – prodott ta’ Valletta United li kien parti mit-tim li rebaħ l-aħħar żewġ kampjonati tal-klabb. Snin wara, Dino jirritorna fil-post fejn beda r-rabta tal-familja tiegħu mal-klabb, lest biex jikteb il-kapitlu tiegħu stess bil-kuluri ta’ Valletta United.

Dan l-akkwist huwa pass importanti ieħor fil-viżjoni ta’ Valletta United li jibnu tim aktar b’saħħtu u aktar ambizzjuż.

Intant, dan is-sit għamel kuntatt ma’ Dino Zammit innigsu li tana iktar dettalji.

Fi kliemu:

“Nixtieq nirringrazzja lil Sliema ASC għall-ħames snin sbieħ li qattajna flimkien, memorji u esperjenzi li dejjem se nibqa’ ngħożż. Issa nħares ’il quddiem lejn il-pass li jmiss fil-vjaġġ tiegħi, fejn se nkun qed ngħin lil Valletta United jibni futur b’saħħtu għall-klabb.”

“Ringrazzjament speċjali lill-President Victor, lil Jean, Joe, Otis u Anna għall-ħidma, id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom. Għad fadal ħafna x’isir għall-klabb tal-Belt, u dan kollu huwa possibbli grazzi għal nies bħalhom li jemmnu f’dan il-proġett.”

“Nemmen li pass pass, b’ħidma u dedikazzjoni, dan il-klabb se jkompli jikber, jiżviluppa u jerġa’ jilħaq livelli ogħla. Kapitlu ġdid, sfida ġdida, l-istess ambizzjoni.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here