Thursday, October 10, 2024

MILL-MILIED SAL-ELEZZJONI

Jean Claude Micallef
Jean Claude Micallef
Deputat Laburista

Aqra wkoll

Jalla jkun Milied li jbiddel sew il-klassi politika f’pajjiżna. L-isbaħ rigal għas-soċjetà Maltija jkun li l-poplu ma jintilifx fuq politiċi li kapaċi biss ipoġġu fuq l-għatba tar-raħal iżda mbagħad mhux kapaċi jitilgħu staffa fuq livell internazzjonali. Politiċi li komdi jlabalbu mal-mikrofoni tal-partit imma jimmutaw quddiem sfida.

Jalla dan iż-żmien iwelled fina sens ikbar ta’ kejl li jwassalna aktar ‘il bogħod. Veru li kull soċjetà tivvota lill-politiċi li jixirqulha. Imma nixtieq nemmen li Malta jixirqilha aktar minn politiċi li jużaw it-tfal għas-simpatija waqt li fil-verità ħajja fil-politika hi ħajja ‘l bogħod minn uliedek fejn u meta vera jinħtieġuk.

Nixtieq nemmen li l-Malti kapaċi jgħaraf bejn proġetti li vera huma ta’ benefiċċju għal komunità u mhux biss għal gwadann finanzjarju t’erbat iħbieb. Jalla f’daż-żmien ta’ riflessjoni, ikollna minn jagħraf li waqt li għandek min jipproġetta figura ta’ xi ħadd umli b’introjtu sempliċi fil-mixja politika tiegħu, huwa konflinġenti ma’ ritratt ta’ martu fuq Instagram li tiddandan bil-fuq minn €10,000 f’ilbies u aċċessorji.

Ir-rispett u l-kartolini mibgħuta f’daż-żmien ma jsarfu f’xejn jekk min jirċievihom ma jaqrax il-messaġġ li jasal magħhom… (li mhux dejjem ikun miktub). Mhux kull min jawguralek vera jemmen fik jew iridlek il-ġid bħalma kulma jmur ninnutaw li mhux kull min tajnih titlu hu idoneju għalih.

Nittama li ma nibqgħux ngħoxew wara d-dawl taċ-Ċiniżi u t-tinsel fl-estetika bil-ġustifikazzjoni li s’hemm naffordjaw. Anqas m’għandna nikkuntentaw b’festini sfurzati bil-mentalità “għax dak provda d-deputat”. Ħajjitna ma’ tistax tibqa’ mfassla biex niddubbaw imma għandna ninvestu bis-sħiħ u napprezzaw id-dettall biex ngħollu l-istandards f’kull aspett. Ir-rispett lejk innifsek jibda meta tiddeċiedi int.

Illum niċċelebraw jum it-twelid ta’ Ġesù Bambin. Probabbli l-aqwa politiku ta’ kull żmien bl-akbar ammont ta’ dixxipli. Canvassers kellu kemm trid u ta’ kull tip. Fid-dinja wasal sakemm wasluh għaliex kif nafu huma n-nies ta’ madwarek li jagħmluk u li jkissruk. Ftit xhur oħra nibkuh għax salbuh imma ftit nirrealizzaw li kull sena jkollna ċ-ċans nieħdu rwol ġdid fl-għażliet tagħna dwar il-politiċi li jkollna f’idejna.

Dal-Milied tieqafx biss sar-wrapping paper hekk kif is-sena d-dieħla se jkollok l-opportunità li tagħżel ir-rigal li jgħodd għalik.

Awguri għal Milied li jmisslek qalbek u moħħok.

Jean Claude Micallef – Deputat Laburista 3 Distrett

Sport