Saturday, December 21, 2024

Mill-Parlament Ewropew: Ħidma li tgħolli isem Malta

Aqra wkoll

Wara waqfa qasira tas-sajf, il-Parlament Ewropew irritorna kkargat għall-ħidma f’oqsma differenti. Irritornajt għall-aħbar sabiħa li ġejt identifikata bħala waħda minn 10 Membri tal-Parlament Ewropew li se ninfluwenzaw u nbiddlu l-politika għaż-żmien li ġej. L-aħbar hija doppjament pożittiva għax il-kollega Alex Agius Saliba ukoll ġie nnominat għall-irwol tiegħu fil-qasam diġitali.

Dan ifisser li d-delegazzjoni tal-Partit Laburista kellha żewġ membri li ġew identifikati bħala Membri tal-Parlament Ewropew li se jbiddlu l-affarijiet fl-oqsma tagħhom. Kburija li nmexxi delegazzjoni Maltija ħabbrieka li dejjem taħdem għall-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin. Kburija li x-xogħol qed ikun rikonoxxut.

Din l-aħbar dehret fil-Parliament Magazine. Il-Parliament Magazine identifikani bħala l-MEP li se nkun qed ninfluwenza l-politika fil-qasam tal-immigrazzjoni. Dan wara li ġejt inkarigata mill-Parlament Ewropew biex nipprepara rapport dwar kif il-pajjiżi jistgħu jħaddmu sistemi biex jattiraw lejhom persuni minn barra l-Unjoni Ewropeja li jkollhom il-ħiliet li dak il-pajjiż ikollu bżonn.

B’din il-proposta se nkunu qed nippropronu l-ewwel pass biex konkretament nibdew nnaqqsu l-immigrazzjoni illegali. Dan għaliex persuni li jiġu biex isibu xogħol, ikunu jistgħu jagħmlu dan billi jużaw metodi legali u bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiżi.

Dan ix-xogħol għandu jibni fuq leġiżlazzjonijiet oħra li ħdimt fuqhom, inkluż il-fond multi-biljunarju għal dan il-qasam, kif ukoll dokument legali għar-ritorn ta’ persuni li m’għandhomx dritt għall-ażil, u l-allokazzjoni ta’ 500 miljun ewro għar-rilokazzjoni.

Sadanittant, il-Parlament Ewropew irritorna  b’attenzjoni speċjali fuq il-Baġit għas-seba’ snin li ġejjin (MFF), il-fond ta’ rkurpru ekonomiku u kif se jiġu ffinanzjati.

Nuqqas ta’ qbil fuq dan il-baġit jagħmel il-ħajja tagħna n-negozjaturi ta’ fondi individwali aktar diffiċli għax ifisser li ma nkunux nistgħu nimu bir-ritmu mixtieq. Dan kollu iżda mhux se jwaqqafni milli, bħala n-negozjatur tal-fond għall-ażil u l-immigrazzjoni, naħdem biex ikollna l-aħjar riżultat.

L-interess tiegħi fl-aħħar tal-ġurnata jibqa’ l-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Dan huwa dak li jmexxi l-ħidma tiegħi bħala kap tad-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew.

Ekonomija

Sport