“Meta janalizzaw il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, illum l-istituzzjonijiet jistgħu jitkellmu fuq rijabilitazzjoni għax proprju nħoloq l-ambjent fejn din ir-rijabilitazzjoni tista’ ssir. Fil-fatt ikun tajjeb li meta l-Partit Nazzjonalista joħroġ l-istqarrijiet fuq il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiftakar li ħalla ħabs fejn l-uffiċjali korrettivi kienu saħansitra jibżgħu mill-priġunieri li suppost kienu taħt il-kustodja tagħhom”.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija, fejn spjega li dan jirriżulta b’mod ċar minn sentenzi tal-Qrati li juru kif il-Partit Nazzjonalista ħalla ħabs mekka tat-traffikar tad-droga. Qal li dak li kienu jgħidu l-istituzzjonijiet dwar il-ħabs fi żmien Gvern Nazzjonalista! Is-sitwazzjoni llum hi ferm differenti minn hekk kif jirrikonoxxi r-rapport stess.
Il-PL qal ukoll; “Din kienet għażla konxja ta’ Gvern Nazzjonalista li jħalli l-barunijiet tad-droga jmexxu l-ħabs biex mingħalih iżomm l-affarijiet kwieti. Li kien għalih, l-affarijiet jerġgħu jirritornaw għal dak iż-żmien. Dan il-Gvern minflok, ma ħax il-parir tal-Partit Nazzjonalista u aġixxa differenti”.
Dan fl-istess ħin li ttieħdu bosta inizjattivi biex tissaħħaħ ir-rijabilitazzjoni u l-kura tal-priġunieri, kif spjegat fid-dettall fi stqarrija tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol iktar kmieni llum. Filwaqt li f’dawn l-oqsma dejjem ikun fadal xi jsir, il-Partit Nazzjonalista żgur m’għandux kredibbiltà dwar is-suġġett.
Il-Partit Nazzjonalista mill-Gvern la kien jistmaha l-ħaddiema, xi ħaġa li anke mill-Oppożizzjoni ma nbidlitx, u wisq inqas investa fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri.
Il-lista twila ta’ inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista tvarja mill-investiment fil-professjonisti, sal-ħolqien ta’ ftehimiet ġodda ma’ għaqdiet mhux governattivi, għal titjib fl-infrastruttura huma kollha passi fid-direzzjoni t-tajba li fuqhom wieħed jista’ jibni.
Li kieku l-ħabs baqa’ kif ħallih il-Partit Nazzjonalista bejta għat-traffikar tad-droga, minn dan kollu ma kien ikun jista’ jsir xejn.