Sunday, November 24, 2024

“Min qatt seta’ jfehemna li bħal-lum sena konna se nitilfu ikona?”

Sena mill-inċident li wasssal għall-mewt ta' Dr Victor Calvagna

Aqra wkoll

“Min qatt seta’ jfehemna li bħal-lum sena konna se nitilfu ikona? Għaddiet sena u xorta għadna nsibu ruħna nitkellmu miegħek għax il-firda iebsa wisq. Dr Calvagna, matul din is-sena ismek smajnieh mijiet ta’ drabi qisek għadek ħdejna”.

Hekk bdew biex ifakkru l-ewwel anniversarju mill-jum tal-inċident li wasssal għall-mewt ta’ Dr Victor Calvagna, permezz tal-paġna ta’ Puttinu Cares.

Sfortunatament, sena ilu Calvagna kellu jiddaħħal l-isptar bi ġrieħi serji wara li nhar it-28 ta’ Diċembru tal-2021 ittajjar qrib l-akkwarju nazzjonali fil-Qawra. Fil-31 ta’ Diċembru bintu kienet spjegat li missierha kien tilef 95% tal-funzjoni tal-moħħ, sakemm imbagħad fil-bidu ta’ din is-sena, fl-4 ta’ Jannar huwa ħalla din id-dinja.

Huma qasmu ritratt ta’ Dr Calvagna, ritratt li għalihom għandu sinifikat kbir għaliex ifakkarhom f’ħafna memorji sbieħ — il-jum meta fetħu t-tieni proġett fl-Ingilterra (kif jidher hawn taħt).

Ir-ritratt ifakkar il-jum meta fetħu t-tieni proġett fl-Ingilterra. Ritratt: Puttinu Cares.

“Kemm konna ferħanin! Kemm kont tixtieq li nsibu l-binja ideali fiċ-ċentru ta’ Londra biex ngħinu iżjed nies. Bilfors li qed taħdem ħafna mill-Ġenna għax din is-sena rnexxielna nsibu l-binja, ġibna l-permess u xtrajnieha. Issa jmiss li s-sena d-dieħla nibdluha f’appartamenti lesti biex jilqgħu l-pazjenti u wara dan kollu bix-xieraq li nsemmu din il-binja għalik,” sostnew il-mexxejja ta’ Puttinu.

Huma temmew il-messaġġ tagħhom billi talbu lil Dr Calvagna sabiex jibqa’ jħarishom u jżomm idejh fuq il-pazjenti u l-familja tiegħu.

Sport