Wednesday, October 9, 2024

Min rebaħ id-dibattitu bejn Trump u Harris?

Aqra wkoll

Donald Trump u Kamala Harris, nhar it-Tlieta filgħaxija iltaqgħu wiċċ im’wiċċ għall-ewwel darba fuq il-palk għad-dibattitu presidenzjali tant mistenni f’Philadelphia. Wara d-dibattitu, il-mezzi tal-istampa, l-iktar l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin ħarġu jistaqsu min miż-żewġ kandidati ħareġ rebbieħ f’dak id-dibattitu. Ħafna mir-rispoti kienu inklinata favur il-Viċi- President attwali Kamala Harris.

Ta’ sikwit tul id-90 minuta, Kamala Harris ikkonfrontat lill-eks president b’attakki personali li mhux biss li qabduh fuq sieq waħda imma wkoll għollew it-temperatura ta’ dan il-konfront tant mistenni.

B’argumenti punġenti Harris semmiet l-ossessjoni ta’ Trump dwar id-daqs tal-folol fir-rallies tiegħu, l-imġieba tiegħu waqt l-irvell fuq il-Capitol tas-6 ta’ Jannar 2021, u dwar l-uffiċjali li servew fl-amministrazzjoni tiegħu li minn dakinhar saru kritiċi ċari tiegħu, li ripetutament poġġew lil Trump f’diffikulta  dwar kif iwieġeb.

Harris għafset lir-rivali Repubblikana tagħha biex jipprova jiddefendi l-imġieba u l-kummenti tiegħu fil-passat li għalihom Trump beda jgħolli leħnu u xi drabi u jxengel rasu. Mhux darba deher ċar li l-ex president tħawwad tant li  qatta’ l-biċċa l-kbira tat-tweġiba tiegħu jitkellem fuq il-kobor u d-daqsijiet tal-folol li huwa jkollu fir-rallies tiegħu, u fl-istess inaqqas lil tagħha.

Trump ittanta wkoll jiddefendi l-politika tiegħu dwar l-immigrazzjoni u semma rapport li rriżulta falz li kien jgħid li l-immigranti minn Ħaiti kienu qed jaħtfu u jieklu l-klieb u qtates tal-ġirien tagħhom fil-belt ta’ Springfield, Ohio. 

Stħarriġ sorpriża mis-CNN tal-votanti li raw id-dibattitu wera li Harris kellha prestazzjoni aħjar. Anki s-swieq tal-imħatri qalu l-istess.

Din hija stampa li tista’ tkun momentarja iżda t-tattika ta’ Harris li tpoġġi lil Trump fuq id-difensiva kienet ċara mill-bidu tad-dibattitu meta s-suġġetti koperti kienu l-ekonomija u l-abort.

Ħafna Amerikani mhumiex kuntenti bil-mod li l-amministrazzjoni Biden – li Harris hija membru ewlieni tagħha – immaniġġjat l-inflazzjoni u l-ekonomija. Iżda Harris dawwret is-suġġett għat-tariffi ġenerali proposti minn Trump, li hi ittikkettat bħala taxxa oħra fuq il-konsumatur.  

Kif għamel fil-passat, Trump iddistakka ruħu mill-proġett konservattiv MAGA 2025 u ddefenda l-pjan tigħu dwar it-tariffi, filwaqt li nnota li l-amministrazzjoni Biden żammet ħafna mit-tariffi tal-ewwel presidenza tiegħu. Kienu punti validi, iżda Trump naqas milli jorbot lill-viċi-president Harris mal-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-konsumatur.

Dwar l-abort, Trump iddefenda l-pożizzjoni tigħu kontra u qal li l-Amerikani huma kontra l-protezzjonijiet tal-abort. Argument dan li l-votanti Amerikani ma jappoġġjawħx. Għalhekk Trump kellu jitħabat biex jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara u t-tweġiba tiegħu kienet xi drabi mħawwda u ma tinftehimx.

Sadanittant, Harris ħadet l-opportunità biex tagħmel appell emozzjonali u personali lill-familji li ffaċċjaw kumplikazzjonijiet gravi tat-tqala u ma setgħux jirċievu kura tal-abort fi stati li pprojbixxew il-proċedura. Hija qalet li l-projbizzjoni tal-kura tal-abort hija insult għan-nisa tal-Amerika. 

Hekk kif kompla d-dibattitu, diversi drabi Harris poġġiet lil Trump fuq id-difensiva b’argumenti li huwa seta’ injora iżda deher li ħassu mġiegħel jindirizza.

Punt dgħajjef għal Harris kien dwar l-irtirar mill-Afganistan, iżda l-viċi-president għarfet iddawwar b’ħila l-konversazzjoni fuq in-negozjati li ‘Trump kellu ma’ uffiċjali Talibani u li kien anki stidinhom f’Camp David. Kienet manuvra li Harris lagħbet tajjeb u li ħalliet effettiv kbir.

Wara d-dibattitu, ir-Repubblikani diġà qed jilmentaw dwar dak li jgħidu li kien favoritiżmu mill-moderaturi tad-dibattitu, David Muir u Linsey Davis, li xaqilbu lejn Harris. It-tnejn li huma iżda ċaħdu dan. 

Skont il-mezzi tal-istampa u x-xandir, l-istorja tad-dibattitu madankollu, kienu r-risposti u l-ħeġġa ta ‘Trump li jieħu u jibla’ kwalunkwe lixka li Harris ippreparat għalih. 

Sa qabel id-dibattitu, il-kampanja ta’ Harris kienet indeċiża dwar jekk taqbilx li jsir dibattitu ieħor. Iżda, kważi immedjatament wara li ntemm dak ta’ nhar it-Tlieta, talbu għat-tieni dibattitu presidenzjali qabel l-elezzjoni ta’ Novembru. Dan biss għandu jindika kemm id-Demokratiċi jemmnu li Harris marret tajjeb nhar it-Tlieta f’dan l-ewwel dibattitu ma Trump.

Sport