Tuesday, November 12, 2024

“Min rikeb fuq il-gideb għandu jerfa’ r-responsabbiltà” – il-Ministru Jo Etienne Abela

Aqra wkoll

Wara li kien ippubblikat il-proċess verbal tal-inkjesta maġisterjali rigward il-mewt ta’ Stephen Mangion fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn irrimarka li dan kien każ li ħoloq allarm f’pajjiżna għal raġunijiet mhux veritieri, minħabba gideb.

Il-Ministru Abela żied jgħid li bħalissa għaddejja inkjesta ministerjali li qiegħda tħares lejn il-proċessi u li għaldaqstant hi differenti mill-inkjesta maġisterjali. Huwa kompla billi qal li fl-inkjesta tal-Maġistrat Joseph Mifsud, joħroġ li l-professjonisti mediċi għamlu minn kollox biex jgħinu lis-Sur Mangion.

Waqt li qal li “ħaddieħor inqeda bil-mewt tiegħu”, innota kif dan l-aġir irrimarka fuqu wkoll il-Maġistrat Inkwerenti nnifsu fejn kellu kliem iebes f’dan ir-rigward.
Il-Ministru Abela staqsa għaliex ikun hemm min juża mewta naturali ta’ persuna sabiex “jipprova jkisser” il-moral tal-ħaddiema tas-settur tas-saħħa.

“Għaliex nippruvaw inkissruhom u nżebilħuhom b’dan l-aġir bla ġieħ? Min se jerfa’ r-responsabbiltà?” żied jistaqsi l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
“Dan huwa żvilupp li jiena qatt ma bsart li jista’ jiġri f’pajjiżna. Il-messaġġ tiegħu qed inwasslu bl-aktar mod ċar, onest; ejja ma nerġgħux nirrepetu li naqbżu għal konklużjonijiet mhumiex ġustifikati.

“Dawn kienu fake news. Issa min żbilanċja ruħu, min ma stenniex li jkun hemm il-konklużjoni almenu ta’ inkjesta maġisterjali, irid jerfagħha r-responsabiltà tal-ħsara li għamel lis-servizz tas-saħħa f’pajjiżna. Minn dan l-aġir ħsara biss ħarġet,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport