Monday, December 23, 2024

Min sejjer ikun il-President il-ġdid tal-Italja?

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fit-3 ta’ Frar li ġej sejjer ikun qiegħed jintemm it-terminu ta’ 7 snin tal-Presidenza tal-Italja Sergio Mattarella. Minkejja li l-President Taljan ma għandu l-ebda poter dirett fuq it-tliet pilastri kostituzzjonali Taljani, jiġifieri il-ġudikatura, l-eżekuttiv u dak leġiżlattiv, xorta jista’ jinfluwenzahom b’mod effettiv ħafna minħabba li l-kostituzzjoni tagħtih il-poter li jissorvelja l-operat tagħhom. 

Sa mit-3 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra, beda dak li t-Taljani jsejħulu bħala s-Simestru l-Abjad. Dan ikun ikopri l-aħħar xhur tal-presidenza u li fih il-President ma jkunx jista’ deċiżjonijiet importanti bħal pereżempju dik li jxolji il-gvern.

L-ewwel votazzjoni mistennija ssir fl-24 ta’ Jannar. Naturalment qegħdin jissemmew diversi ismijiet għal din il-kariga importanti ferm fil-politika Taljana minħabba l-irwol li spiss jieħu l-President Taljan sabiex ikun medjatur bejn id-diversi partiti li ġeneralment jiffurmaw il-gvern u anke l-oppożizzjoni. Dan l-irwol joħloq in-neċessità li l-persuna magħżula tkun waħda relattivament newtrali fost il-partiti u huwa proprju għalhekk li l-votazzjoni għall-president issir fost numru kbir ta’ politiċi minn kull sfera tal-politika Taljana.

L-irwol tal-President Taljan

Minbarra li l-President Taljan huwa l-Kap tal-Istat, huwa wkoll il-Kap tal-Kunsill tal-Maġistratura li jissorvelja l-operat tal-ġudikatura kif ukoll huwa l-Kap tal-Forzi Armati Taljani. 

Il-President Taljan għandu l-fakultà li jinnomina l-Prim Ministru, poter li huwa importanti ferm fil-politika Taljana preżenti, issa li drajna naraw lil din il-kariga tkun mimlija minn xi teknokratiku bħal Giuseppe Conte u l-Prim Ministru attwali Mario Draghi. Il-president jista’ wkoll jinnomina sa ħames senaturi u sa terz tal-karigi ġewwa l-Qorti Kostituzzjonali.

Il-President jista’ wkoll ixolji l-gvern u jsejjaħ elezzjoni kif ukoll referendum. Fuq kollox, il-president huwa d-difensur tal-Kostituzzjoni Taljana.

Kif issir il-votazzjoni

Il-votazzjoni ssir ġewwa l-Palazz Montecitorio, li ġewwa fih hemm l-Kamra tad-Deputati. F’din il-votazzjoni jieħdu sehem appuntu dawn id-deputati flimkien mas-senaturi u tliet delegati minn kull reġjun, li tnejn minnhom ikunu nnominati mill-maġġoranza fil-gvern u l-ieħor minn mill-oppożizzjoni. B’kollox, f’din il-votazzjoni jieħdu sehem 1,008 persuni. 

Sabiex jiġi elett bħala president, il-persuna nnominata għall-presidenza trid iġġib 673 vot jew aktar, li jammonta għal żewġ terzi tal-voti fl-ewwel tliet votazzjonijiet. Jekk sat-tielet vot ħadd ma jkun laħaq dan in-numru ta’ voti, il-president il-ġdid jista’ jiġi elett jekk iġib 505 voti mir-raba’ vot ‘il quddiem.

Wara li kien hemm attentat mill-Movimento Cinque Stella, wieħed mill-ħafna partiti li jifforma l-maġġoranza fil-gvern, sabiex Mattarella jerġa’ jingħata mandat ieħor, mandat li l-istess Mattarella rrifjuta li jaċċetta, bdew jissemmew ħafna ismijiet oħra.

Mario Draghi għall-President?

Fuq quddiem tal-lista ta’ dawn li qegħdin jissemmew hemm il-Prim Ministru attwali Mario Draghi. Naturalment minħabba l-irwol ta’ medjatur li semmejna aktar ‘il fuq, Draghi huwa l-persuna l-aktar adattata minħabba li huwa rnexxielu jżomm magħquda koalizzjoni li hija ffurmata minn partiti mill-ispettru kollu tal-ideoloġiji politiċi fosthom il-Lega Nord li huwa l-partit tal-lemin estrem, il-Partit Demokratiku li huwa s-suċċessur tal-Partit Komunista u l-istess Cinque Stelle li huwa magħmul minn politiċi li jħaddnu diversi ideoloġiji politiċi.

Però, ħafna esperti tal-politika Taljana jaħsbu li għal Draghi, dan l-irwol jaf ma jkunx wieħed li jtih dak is-sodisfazzjon professjonali, l-aktar wara l-karriera mpekkabbli tiegħu li ratu jkollu karigi importanti bħal dik ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali Taljani u wara dik ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew. Fattur ieħor li jaf inaffar lil Draghi minn dik il-kariga huwa dak li huwa jixtieq jamministra l-għotja ta’ aktar minn 200 biljun ewro mill-Unjoni Ewropea li parti minnhom huma bħala self.

Ironikament, l-aktar partit li qiegħed jimbotta lil Draghi għall-kariga ta’ President tal-Italja huwa dak tal-Fratelli d’Italia, li qiegħed fl-oppożizzjoni u li huwa mmexxi minn Giorgia Meloni. Però, wara dan hemm kalkulazzjoni politika ovvja minħabba li bħalissa dan il-partit qiegħed quddiem fil-polls u allura kemm-il darba Draghi jirriżenja minn Prim Ministru, wisq probabbli jkollha ssir elezzjoni bikrija b’Meloni jkollha ċans kbir li ssir il-Prim Ministru l-gdid tal-Italja.

Silvio Berlusconi

Dawn l-aspirazzjonijiet politiċi ta’ Meloni jafu jġibuha f’kunflitt ma’ Silvio Berlusconi li huwa alleat tagħha fl-oppożizzjoni. Berlusconi kemm-il darba qal li huwa jħoss li l-kariga ta’ president għalih hija t-tmiem loġiku tal-karriera politika tiegħu.

Però, ftit hemm ċans li din il-ħolma ta’ dan in-negozjant biljunarju, li llum jgħodd 85 sena, ssir realtà. Dan l-aktar minħabba li kif diġà għedna aktar ‘il fuq, il-President Taljan huwa l-Kap tal-Kunsill tal-Maġistratura Taljana. Allura, wieħed jista’ jimmaġina x’ironija tkun li persuna bħal Berlusconi, bil-ġurijiet kollha li għadda minnhom u li għadu ghaddej bihom bħalissa, ġurijiet li jinkludu addiritura akkużi ta’ assoċjazzjoni mal-Mafja, jingħata t-tmexxija tal-maġistratura f’idejh.

Ismijiet oħra

Wara li l-eeks Prim Ministru Taljan Romano Prodi, li llum għandu kważi 82 sena, warrab kull spekulazzjoni li huwa sejjer ikun il-President ġdid Taljan, beda jissemma dak ta’ Giuliano Amato, eks Prim Ministru ieħor Taljan. Amato, li llum jgħodd mat-83 sena, huwa qrib ħafna tal-istess Mattarella u allura jista’ joffri presidenza ta’ kontinwazzjoni għal dik li sejra tispiċċa dalwaqt.

Qiegħed jissemma wkoll Gianni Letta, politiku influwenti ħafna mill-partit ta’ Berlusconi, jiġifieri l-Forza Italia. Dan Letta, li wieħed irid joqgħod attent li ma jħalltux ma’ Enrico Letta, li huwa l-mexxej tal-Partit Demokratiku, għandu karriera politika notevoli, fejn fost karigi oħra huwa għamel xejn anqas minn 10 snin iservi bħala Sotto Segretario dello Stato, li hija kariga li tixbaħ ħafna lil dik ta’ Chief of Staff ministerjali. Però, bħal Berlusconi, Letta għandu ħafna tbajja legali li minkejja li ħareġ minnhom xorta jħallu ħafna dubji warajhom.

Persunaġġ ieħor li wieħed irid jikkonsidra b’ċertu serjetà huwa l-politiku Centrista Pierferdinando Casini, li issa ilu fix-xena politika Taljana sa mill-1983. Fattur importanti li jaf jgħin lil Casini li jieħu din il-kariga huwa dak li Casini ħadem f’ħafna gvernijiet immexxija minn diversi Prim Ministri differenti fosthom Berlusconi, Enrico Letta, Mario Monti, Giuseppe Conte u l-istess Draghi.

Isem ieħor li qiegħed jissemma huwa dak ta’ Marta Cartabia, li bħalissa tokkupa l-kariga tal-Ministru tal-Ġustizzja fil-gvern ta’ Draghi. Kontra tagħha, Cartabia għandha l-fama li hija politikanta konservattiva ħafna tant li kemm-il darba għamlet dikjarazzjonijiet kontra xi drittijiet ċivili bhal pereżempju ż-żwiġijiet tal-koppji LGBTIQ.

Minkejja li ġewwa ħafna pajjiżi l-irwol tal-President tar-Repubblika huwa wieħed simboliku bi ftit li xejn poteri, ġewwa l-Italja l-istorja hija kemmxejn differenti minħabba l-volatilità li tikkaratterizza l-politika ta’ dan il-pajjiż. Għalhekk, il-politici Taljani bi dritt li jivvutaw iridu jilħqu ftehim bejniethom sabiex jagħżlu persuna idonea għal din il-kariga importanti ferm.

Ekonomija

Sport