Friday, April 26, 2024

“Mingħajr infurzar u dixxiplina m’aħna se naslu imkien”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-problema tal-iskart fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra

Il-ġbir tal-iskart huwa servizz li kulħadd jiddependi minnu iżda s-servizz waħdu m’huwiex biżżejjed. Kull skart domestiku li joħroġ jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tar-residenti wkoll li jridu jaraw li joħroġuh fil-ġranet u l-ħinijiet stipulati. Żona li ilha għal dawn l-aħħar snin bi problemi kbar hija dik ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra li taqa’ taħt Kunsill wieħed – dak ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Viċi Sindku ta’ dan il-Kunsill, Carlos Zarb, f’aġġornament tas-sitwazzjoni tal-iskart f’din iż-żona sostna li filwaqt li tajjeb li jkun hemm investiment, jekk mhux se jkun hemm infurzar, il-problema se tippersisti.

“Huwa pożittiv ħafna li l-Gvern alloka aktar fondi għal-lokalità tagħna imma wieħed ikun qiegħed jonqos jekk ma jirringrazzjax il-ħidma kontinwa li qiegħda tagħmel il-Clean Malta fil-lokalità. Iżda r-realtà hija li mingħajr infurzar u dixxiplina m’aħna se naslu imkien,” beda jispjega Zarb.

Il-problema tal-iskart fl-inħawi ta’ San Pawl ilha tippersisti u tmur għall-agħar għal dawn l-aħħar snin fejn fit-toroq u anke fl-għelieqi jinħareġ kull tip ta’ skart inklużi bċejjeċ tal-għamara, apparat domestiku u skart fil-boroż mat-toroq f’kull ħinijiet. Iż-żieda fil-kwantità tal-iskart hija wkoll attribwita għaż-żieda fil-popolazzjoni ta’ dawn l-inħawi li jilqgħu kemm Maltin, kif ukoll diversi residenti barranin. 

Bil-għan li jgħin lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl fis-servizz tal-iskart fit-tliet żoni, Zarb qal li l-Gvern din is-sena alloka €20,000 addizzjonali.

Tendenzi li jiffokaw fuq affarijiet inqas bżonnjużi…

Min-naħa tiegħu Carlos Zarb qiegħed jappella biex ikun hemm aktar investiment fis-siġurtà u li l-uffiċjali tal-LESA u l-Pulizija fost l-oħrajn, jingħataw l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jinfurzaw dawn il-liġijiet. “Sfortuntamanent hemm tendenzi li jiffokaw fuq affarijiet inqas bżonnjużi bħal meta jingħataw ċitazzjonijiet fis-siegħa ta’ filgħodu minħabba pparkjar ħażin,” kompla dan il-Viċi Sindku. 

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Filwaqt li huwa qatt ma jiġġustifika l-ħażin, ir-realtà hija li huwa jippreferi jara persuna li qiegħda tħammeġ tiġi mħarrka milli dik il-persuna li forsi pparkjat f’kantuniera għax ma sabitx fejn tħalli l-karozza fil-ħinijiet tal-lejl. Hawnhekk il-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar jistaqsi, “għaliex hemm din il-biżgħa ta’ konfrontazzjoni? Forsi għax m’humiex armati biżżejjed? Jew għax il-liġijiet tal-pajjiż ma jikkastigawx biżżejjed lil min jerfa’ jdejh fuq uffiċjal?”

“Għaliex hemm din il-biża’ ta’ konfrontazzjoni? Forsi għax mhumiex armati biżżejjed? Jew għax il-liġijiet tal-pajjiż ma jikkastigawx biżżejjed lil min jerfa’ jdejh fuq uffiċjal?”

CARLOS ZARB, VIĊI SINDKU TA’ SAN PAWL IL-BAĦAR

Zarb jemmen li lil hinn minn dan, hemm bżonn li tinbidel kompletament is-sistema ta’ kif jinġabar l-iskart. Dan minħabba li “huwa impossibbli’ li blokok sħaħ ta’ appartament joħorġu l-boroż tagħhom fuq il-bankina anke jekk joħorġu l-borża t-tajba u fil-ħin. Hawn tinħoloq problema ta’ aċċessibbiltà b’mod speċjali għall-persuni b’diżabbiltà jew persuni għaddejjin b’karreġġjata tat-trabi. “Kif se jgħaddu minn ħdejn munzell boroż?” staqsa dan il-Viċi Sindku. 

Huwa jħoss li wasal iż-żmien li nsibu sistema aktar effiċjenti u fost suġġerimenti li semma’ hemm dak li, fejn huwa possibbli,  isiru ‘underground bins’ fit-tarf tat-toroq.

“Iżda, bħala pajjiż u lokalità, lesti li nagħmlu dan is-sagrifiċċju u nneħħu daqsxejn mill-kumdità li l-iskart jinġabar minn wara l-bieb tad-dar?” temm Carlos Zarb.

Sport