Il-Qorti Kriminali Internazzjonali, ħarġet mandatt t’arrest fuq il-President Russu Vladimir Putin u dan ifisser li jekk jirfes f’wieħed minn 120 pajjiż membru ta’ din il-Qorti bilfors irid jiġi arrestat.
Hu qed jiġi akkużat li wettaq atti kriminali fil-gwerra fl-Ukranja, xi ħaġa li l-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li hija ċarissima.
Minkejja li hemm dan il-mandatt t’arrest ftit hu posibbli li xi darba Putin jiġi arrestat u jitressaq quddiem il-ġustizzja. Dan hekk kif il-Qorti Internazzjonali m’għandha l-ebda poter li tarresta lil xi ħadd sakemm ma jkunx hemm il-koperazzjoni mill-pajjiżi membri. Kien hemm diversi persuni li kellhom mandatt t’arrest internazzjonali u qatt ma setgħu jiġu arrestati minħabba li baqgħu sakemm mietu f’pajjiżhom.
Biex tkun aktar diffiċli, ir-Russja mhux membru ta’ din il-Qorti u għalhekk għal Gvern Russu dan il-mandatt ma jgħodx. Anke jekk il-President Putin jitlaq minn kull kariga li għandu fil-pajjiż u r-Russja tkun immexxija minn Gvern ġdid, xorta waħda dan il-Gvern ma jistax jarresta lil Putin sakemm ma jkunx hu stess li joħroġ xi akkużi.
Il-Gvern Russu b’reazzjoni għal din l-aħbar qal li huma qegħdin jiċħdu l-akkużi kollha li hemm fil-konfront tal-President Putin.