Thursday, May 8, 2025

Minkejja li jeħodli ħafna ħin, il-futbol għallimni ħafna – Edward Mizzi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il futbol?

Sa minn meta kont żgħir, kont inħobb il-logħba tal-futbol. Dawk iż-żminijiet ma kienx hawn nursery allura bdejt nilgħab mal-klabb fit-tim tal-youths u ta’ 16-il sena ddebuttajt mat-tim tal-kbar fejn minn hemm għamilt 20 sena nilgħab attivament fil-klabb tar-raħal tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Teżorier ta’ Kirkop United FC.

Issa ilni teżorier tal-klabb għal dawn l-aħħar għaxar snin. Il-klabb tagħna għandu kumitat wieħed u allura irrid nieħu ħsieb il finanzi tal-klabb kollu; tim tal-kbar, nursery u anke l-ispejjeż kollha li jinvolvi biex iżżomm klabb fuq saqajh. Minn sena għal ohra din l-isfida dejjem issir iebsa bl-ispejjeż li jinvolvi biex tmexxi klabb fejn l-isponsors dejjem jonqsu.

X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għat-tim tagħkom?

Il-klabb tagħna salva żewġ logħbiet qabel intemm l-istaġun u dan kien l-għan tal- klabb speċjalment meta f’nofs l-istaġun ir-riżultati ma tantx kienu sbieħ. Peró, minkejja kollox fl-istadju tal-play-offs it-tim qam fuq saqajh fejn bir-riżultati pożittivi li ksibna, irnexxielna logħba wara l-oħra ninqatgħu miż-żona tar-relegazzjoni fejn kif għidt salvajna żewġ logħbiet mit-tmiem. Ta’ sodisfazzjon ikbar huwa li t-tim tagħna kien wieħed mill-iżgħar timijiet bħala etá medja u meta tqis li ħafna mill- plejers huma prodotti tal-klabb, dan jikkonferma x-xogħol siewi li jsir fis-settur tal-youths speċjalment fl-aħħar snin.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tan-National Amateur League 1 fejn nikkompetu aħna minn sena għall- oħra dejjem qed jogħla. Qed ikun hemm klabbs li qed jinvestu ħafna li jattiraw plejers ta’ kwalitá. Sfortunatament mhu l-ebda sigriet li l-iskop li tikkompeti f’ sezzjoni amateur qed tintilef bl-investimenti li qed isiru u dan qed jagħmilha diffiċli għal ċerti klabbs li jżommu ma’ dan ir-ritmu. U fl-opinjoni tiegħi qed jinħoloq żbilanċ. 

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds li nilagħbu fihom huma aċċettabbli. Hemm bżonn ta’ investimenti f’ ċerti klabbs peró ma nistgħux ingergru minn dan il-lat speċjalment issa li qed jinbidlu wkoll l-uċuh tal-pitches bl-għajnuna tal-MFA u l-Gvern ċentrali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Kif semmejt iktar ‘il fuq illum il-futbol ma sarx biss delizzju imma trid taħdem qatigħ biex tlaħħaq mal-ispejjeż li dejjem qed jikbru, u min m’għandux sponsors jew donaturi li joħorġu l-flus, l-isfida hija ikbar fejn trid tara kif tkampa. Aħna bħala klabb qegħdin kumitat żgħir imma b’qalb kbira fejn nagħmlu l-mirakli kull sena. Sakemm Alla jagħtina s-saħħa, inkomplu naħdmu u nibnu fuq dak li sibna u komplejna nibnu. X’jiġri wara naraw. Il-futbol mhux bħax-xogħol m’għandux pensjoni, anzi tkun pensjonant tieqaf mal-etá tal-irtirar … fil-futbol tibqa’ għaddej!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Permezz tal-futbol, tgħallimt ħafna u għamilt ħafna hbieb. Il-volontarjat għallimni ħafna speċjalment li tiltaqa’ ma’ nies ta’ kull livell ta’ ħajja u ma’ ħafna karattri. Minkejja li jeħodli ħafna ħin, il-futbol għallimni ħafna. Jien nemmen li kull żagħżugħ u żagħżugħa għandha l-obbligu li tagħti ftit ħin fil-volontarjat, għax dan ħa ssibu ħafna anke meta wieħed imur fuq il-post tax-xogħol fejn jgħallmek ħafna. Minn hawn ninkoraġġixxi bis-sħiħ iktar żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fil- futbol!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport