It-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi qiegħda tiġi diskussa f’konferenza mifruxa fuq jumejn fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta li għaliha attendew diversi mistiedna minn trejd unjins Ewropej. Konferenza mtella’ mill-Eurocadres – il-vuċi tat-trejdunjins għall-professjonisti u maniġers Ewropej, b’kollaborazzjoni mal-General Workers’ Union.
F’din il-konferenza li bdiet matul il-ġurnata tal-Ħamis u l-Ġimgħa, qegħdin jiġu diskussi l-għanijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva u l-impatt tagħha fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod inġenerali.
Malta trid tibdel id-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza tal-Pagi f’liġi sa Ġunju tas-sena 2026 filwaqt li fis-7 ta’ Ġunju 2027, se jkun meħtieġ f’Malta l-ewwel rapport tad-differenza fil-pagi skont id-Direttiva.
F’diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, huwa spjega kif din id-Direttiva hi riżultat ta’ snin ta’ ħidma, proċess li fih it-trade unions kellhom ukoll rwol fundamentali.
“Kien permezz tad-djalogu soċjali, l-azzjoni kollettiva u l-ħidma bla waqfien li mbuttajna ‘l quddiem liġijiet aktar b’saħħithom dwar it-trasparenza fil-pagi fuq livell Ewropew,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Bugeja kompla jgħid li t-trade unions madwar l-Ewropa kienu strumentali fit-tfassil ta’ din id-Direttiva, fejn kien żgurat li din tinkludi mekkaniżmi għall-bidla meħtieġa. Minn obbligi għall-għoti ta’ informazzjoni relatata mas-salarju għad-drittijiet tal-ħaddiema li jitolbu trasparenza.
Bugeja kompla jgħid li min iħaddem għandu jagħraf li t-trasparenza mhijiex piż iżda ħtieġa għal post tax-xogħol ġust. Fl-istess waqt, il-Gvern għandu jiżgura infurzar b’saħħtu u kontabbiltà, mentri bħala trade unions iridu jibqgħu jkunu fuq quddiem biex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu informati, protetti u jkollok is-setgħa li jitolbu d-drittijiet tagħhom.
Fil-ftuħ tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fisser kif din id-Direttiva tirrappreżenta pass kruċjali lejn l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul semma kif il-kumpaniji se jkunu meħtieġa li jagħtu informazzjoni ta’ kemm se tkun il-paga u anke jieħdu azzjoni korrettiva fir-rigward. Dan filwaqt li dawk li jkunu qed ifittxu impjieg se jiġu provduti b’informazzjoni dwar il-ħlas marbut mas-salarju tagħhom.
B’żieda ma’ dan, il-ħaddiema se jkollhom id-dritt li jitolbu informazzjoni dwar il-livelli medji tal-pagi għal rwoli simil filwaqt li kumpaniji akbar, li jimpjegaw ’il fuq minn 250 ħaddiem, għandhom jirrapportaw dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi b’mod annwali.
Dan kollu, fi kliem is-Segretarju Parlamentari Ellul, mhux biss se jippromwovi l-ugwaljanza, iżda wkoll se jsaħħaħ il-prinċipju li xogħol ta’ valur ugwali jistħoqqlu paga ugwali.
“Bħala Gvern li jagħti prijorità lid-drittijiet tal-ħaddiema, nirrikonoxxu kemm l-opportunitajiet kif ukoll l-isfidi li tirrappreżenta din id-direttiva,” żied jgħid Dr Ellul. “L-inugwaljanza hija inaċċettabbli fi kwalunkwe soċjetà, b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Unjoni li hija mibnija fuq l-inklussività, l-ugwaljanza u non-diskriminazzjoni.”
Huwa temm jgħid li l-viżjoni tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq tax-xogħol f’Malta hija waħda ċara; ekosistema moderna, ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali, il-produttività u l-inklużjoni.
“F’Malta, il-professjonisti u l-maniġers jirċievu salarji ugwali. Huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-ħlasijiet żejda, moħbija li jingħataw b’mod sproporzjonat lill-irġiel. In-nisa jiltaqgħu ma’ ostakli sinifikanti, peress li ħafna drabi jitilfu l-promozzjonijiet u l-avvanzi fil-karriera minħabba ċerti ċirkostanzi pereżempju l-leave tal-maternità u tul it-trobbija. Il-Gvern ta’ Malta diġà ħa passi importanti biex itejjeb il-policies tal-leave tal-maternità li jwasslu biex jitnaqqas id-distakk fil-pensjonijiet,” qalet Riccarda Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU.
Żiedet tgħid li l-impjegati jridu jiġu edukati u jkunu proattivi biex jassiguraw li d-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi tiġi implimentata b’mod effettiv. Huwa kruċjali li r-rappreżentanti tal-impjegati jkunu l-katalisti biex il-Union tkun konxja ta’ kwalunkwe ksur relatat mar-remunerazzjoni tal-impjegati.
“Huwa importanti għall-Eurocadres li l-ħidma tagħna fi Brussell ikollha impatt fil-livell nazzjonali. Permezz ta’ dan il-workshop f’Malta, b’kollegi ġejjin minn aktar minn disa’ pajjiżi differenti tal-UE, l-għan tagħna huwa li niżguraw li d-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi tiġi trasposta b’mod korrett, u jkollha impatt reali fil-postijiet tax-xogħol tagħna. Hija għodda li tista’ twassal biex tingħalaq id-differenza fil-pagi, speċjalment għall-Professjonisti u l-Maniġers fejn id-diskrepanzi huma l-ogħla,” qalet il-President tal-Eurocadres Nayla Glaise.
Żiedet tgħid li t-trejdjunjins għandhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza, kif miktub fid-Direttiva, u dan it-test għandu jintuża biex jilħaq kemm jista’ jkun ħaddiema u postijiet tax-xogħol.
“Għandna opportunità kbira, huwa f’idejna li naħtfuha,” temmet tgħid Glaise.
Matul il-konferenza ngħatat spjegazzjoni tal-proċess politiku u kwistjonijiet ewlenin li qed tindirizza d-Direttiva, jew dawk li kellhom jiġu nklużi matul in-negozjar. Kif ukoll saru diversi preżentazzjonijiet mill-parteċipanti preżenti u onlajn dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżhom. Sar skambju ta’ ideat dwar suġġetti relatati fosthom il-gender pay transparency fl-UE, metodi u suġġetti ewlenin li għandhom jiġu diskussi aktar fid-dettall fost biex din id-Direttiva tinkludi wkoll il-bżonnijiet speċifiċi tal-professjonisti u maniġers.