Wednesday, December 25, 2024

Minn emigrant jgħix fuq il-ħobż bix-xaħam, għal sid ta’ negozju

Anthony Falzon: “Kienu jgħajruni ‘wog’ għax kont emigrant”

Aqra wkoll

Ftit tal-ġimgħat ilu, dan is-sit ippubblika l-ewwel intervista dwar Anthony Falzon — Malti tal-Awstralja li ħalla lil art twelidu fl-età tenera ta’ erba’ snin. Fl-ewwel intervista wassalnielkom l-istorja tiegħu iżjed mil-lat tat-tħaddim u l-preservazzjoni tal-ilsien Malti fl-Awstralja. F’din it-tieni parti tal-intervista se nħarsu fuq il-lat soċjali tal-emigranti fl-Awstralja mil-lenti ta’ Malti li ilu jgħix hemmhekk għal dawn l-aħħar 70 sena.

“Konna batuti … għamilna l-ewwel xhur nieku l-ħobż midluk bix-xaħam”

“Konna batuti, imma qatt ma nista’ ngħid li konna mdejqin … għamilna ħbieb ma’ tfal Maltin u oħrajn Awstraljani tat-triq tagħna u konna ngħadduha,” fisser Anthony ma’ Talk.mt dwar it-tfulija tiegħu u ta’ ħutu fl-ewwel snin li għexu fl-Awstralja. Huwa rrakkuntalna li saħansitra fl-ewwel xhur mill-emigrazzjoni tagħhom kienu jieklu ħobż midluk bix-xaħam u hu flimkien ma’ ħutu u l-ġenituri tiegħu kienu jgħixu f’gabuba.

Anthony mal-ġenituri tiegħu u ma’ ħutu fl-ewwel ġimgħat tagħhom fl-Awstralja. Ritratt: Anthony Falzon

“Minn meta bdiet taħdem ommi qatt ma batejna bil-ġuħ,” żied jikkjarifika Anthony b’ċerta ammirazzjoni u mħabba lejn iż-żewġ ġenituri għas-sagrifiċċji li għamlu għalihom. Infatti, hawnhekk qasam magħna mument ħelu milli jiftakar dwar iż-żmien tal-iskola: “It-tfal l-oħra kollha bis-sandwiches puliti u jien ngħatti l-ikel b’idejja,” qalilna Anthony biex jesprimi l-mod abbundanti li bih kienet tippreparalu l-ikel ommu; drawwa kemxejn komuni għalina l-Maltin.

“Kienu jgħajruni ‘wog’ … bqajt għaddej għax għedt jien qiegħed hawn biex nibni futur għalija”

Jekk sa ċertu punt it-tfulija kienet ward u żahar għal Anthony u ż-żewġ ħutu, il-folja ma baqgħetx l-istess meta bdew jitfarfru. L-inkwiet għalih beda malli rifes fuq il-post tax-xogħol, fl-età ta’ 18-il sena, minħabba li l-ħaddiema l-oħra kienu Awstraljani u avvanzati fl-età: “Ma ħadux pjaċir bija għax kont Malti. Ma ridux jaċċettawha li Malti jaħdem qalb l-Awstraljani”.

“Il-mara tiegħi kienet tħobb issajjar l-ikel Malti. Meta kont nieħdu għax-xogħol u jarawni niekol kienu jgħiduli li jinten,” kompla jgħid Anthony.

Huwa beda l-apprendistat tiegħu mal-Gvern bħala technician u kien taħt is-superviżjoni ta’ wieħed mill-ħaddiema Awstraljani. Hawnhekk bdiet realtà kiefra għal Anthony u mhux l-ewwel darba li ttituba għandux jitlaq minn hemm. “Qiegħed hawn biex nibni futur għalija,” kien jgħid lilu nnifsu biex ikompli jirreżisti l-kurrent.

Fost waħda mill-affarijiet li rrakkuntalna f’dan ir-rigward qalilna li l-persuna inkarigata mit-taħriġ tiegħu qatt ma għallmitu xejn. Mhux talli hekk, talli hu flimkien mal-Awstraljani l-oħra għamlulu ħajtu miżerja bit-tgħajjir: “Jekk kont Taljan jgħajruk ‘spags’ (għal spaghetti) u ‘daygos’ … lili iktar ‘wogs’ kienu jgħiduli”. Kien saħansitra daħħalha f’rasu li jitlaq, però d-destin ried mod ieħor. Xi żmien wara, l-Awstraljan li kien jagħtih mill-agħar ħafna miet u kull ħsieb li kellu li jitlaq, sparixxa.

Fis-snin 90 l-affarijiet bdew jitranġaw għall-emigranti bis-saħħa tad-dħul tad-Discrimation Act. Hawnhekk Anthony qalilna li xorta sab ħaddiem li baqa’ jgħajru ‘wog’ minkejja li l-istess ħaddiem kien appendist tiegħu, filwaqt li Anthony kellu pożizzjoni ogħla. Wara li informa lill-imgħallem b’dan l-aġir diskriminatorju ma reġax semgħu iżjed it-terminu ‘wog’.

Minn emigrant u lavrant għal sid ta’ kumpanija fl-Awstralja

“Domt 30 sena lavrant … ġie żmien li bdew inaqqsu n-nies bl-eluf … ftaħt il-business tiegħi fuq l-istess linja. Kellna ħafna opportunitajiet l-Awstralja … jekk qatt m’għamlu xi ħaġa tajba ommi u missieri, għamlu dan meta ħaduna hemm,” qalilna Anthony.

Anthony ilu 23 sena bin-negozju tiegħu ta’ tiswijiet u installazzjonijiet ta’ parts fuq oġġetti antiki, bħal telephones, gramophones, radios u cashregisters. Kollox beda meta kien għadu daqsxejn ta’ ġuvni. Kienu javviċinawh diversi nies b’oġġetti li ma jkunux għadhom jaħdmu u jistaqsuh jekk hux possibbli li jirranġahomlhom biex jerġgħu jibdew jaħdmu: “Ix-xogħol li nagħmel jien ma tantx kien hemm min jagħmlu l-Awstralja”.

Dan ix-xogħol kien bdieh bħala part-time biex idawwar lira żejda. Saħansitra f’okkażjoni minnhom kien irranġa karozza tal-1924. Meta rawh għaddej biha fit-triq kien hemm raġel li staqsieh jekk jikrihiex għat-tiġijiet. “Minn hemm spiċċajt ibbukkjat kważi s-sena kollha”.

Anthony maż-żmien spiċċa b’kollezzjoni privata ta’ antikatijiet li akkwista matul is-snin: “Kelli mużew b’kollezzjoni privata b’madwar 300 telefown … kelli l-aħjar telefowns li stajt issib”, bl-iktar telefown antik dak tal-1878. Illum il-ġurnata din il-kollezzjoni tinsab f’mużew fiċ-Ċina wara li saritlu offerta u ddeċieda li jbigħ. Fost xi tifkiriet li żamm minn din il-kollezzjoni għandu telefown ta’ 150 sena ilu li rnexxielu jerġa’ jħaddmu.

Interessanti l-fatt li Anthony matul is-snin ġie avviċinat bosta drabi minn kumpaniji u jew artisti ta’ fama internazzjonali sabiex ibigħilhom xi telefown biex jintuża bħala prop f’xi film.

Ekonomija

Sport