Wednesday, April 24, 2024

Minn għada se jibdew il-laqgħat bejn it-tfal u l-ġenituri bħala ma kien isir qabel il-pandemija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

B’digriet mogħti mill-Qorti tal-Familja, ippreseduta mill-Imħallef Anthony J Vella, ġie deċiż li l-aċċessi  b’superviżjoni u ta’ moniteraġġ ta’ minuri li huma rregolati bil-Qorti se jerġgħu jmorru lura għall-mod kif kien isir l-aċċess qabel il-fenomenu tal-COVID-19.

L-istess digriet ingħata wara li l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Fondazzjoni Għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (Fondazzjoni) u d-Direttorat għall-Kura Alternattiva (Direttorat) għamlu l-verifiki kollha neċessarji mal-awtoritajiet tas-saħħa u ngħataw linji gwida ta’ kif tali aċċess għandu jsir.

Il-ħaddiema tad-direttorat ser ikunu qed jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jkunu konformi mar-regoli ta’ social distancing.

Id-digriet jirrakkomanda wkoll li kull persuna li ser tkun preżenti waqt l-aċċess, inkluż tfal ta’ aktar minn sitt snin, ikunu lebsin maskra jew visor. Se jkunu pprovduti wkoll hand sanitisers.

Sabiex ikun evitat l-iffullar ta’ nies f’post wieħed waqt l-aċċess, ser jintużaw spazji miftuħa bħal ġonna pubbliċi u diversi postijiet oħra tal-Fondazzjoni f’Malta u Għawdex.

Tfal li jgħixu fi djar residenzjali differenti mhux ser ikunu qed jiltaqgħu fiżikament bejniethom għalissa, iżda l-ħin tal-aċċess mal-ġenituri ser ikun imqassam biex xorta jaraw lit-tfal tagħhom, skont iċ-ċirkostanzi u l-benesseri tal-minuri.

Id-digriet ikompli jgħid li minuri li qegħdin taħt Ordni Għall-Ħarsien (Care Order) li għandhom viżti fid-djar privati jew sleepovers, u fejn l-istess tfal għadhom qed jirrisjedu ma’ foster carers jew ġewwa djar residenzjali, dan l-aċċess ser ikun qiegħed isir fil-miftuħ sakemm il-post fejn is-soltu jsir l-aċċess ikun approvat bħala wieħed adegwat mid-Direttorat.

L-aċċess ser ikun biss għall-ġenituri bijoloġiċi tal-minuri u għan-nanniet.

Id-digriet mogħti mill-Qorti tal-Familja ngħata wara riskors illi ġie ppreżentat mill-Ministeru Għall-Familja, u wara li d-Direttorat ħadem fuq pjan sabiex jerġgħu jibdew il-viżti b’superviżjoni, bil-prinċipju regolatorju jkun dak li fiċ-ċirkostanzi preżenti t-tfal kollha għandhom dritt li fiżikament jaraw lill-ġenituri tagħhom.

Sport