Tuesday, May 14, 2024

“Minn mitt idea wellidna elf proposta li nibtu minn fostkom” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Milqugħ minn ċapċipa u folla numeruża waqt rally tal-Partit Laburista minn ġewwa n-Naxxar bit-tema Malta Flimkien, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela beda billi innota kif sebat ijiem diġà kienu biżżejjed biex toħroġ id-differenza bejn min jista’ joffri futur għall-poplu tagħna u min bih nissugraw li nieħdu l-pajjiż lura. Waqt id-diskors tiegħu spikka l-fatt li qal li bħala PL għandhom pjan b’elf proposta lejn il-futur ta’ pajjiżna – elf proposta li nibtu mingħand in-nies.

“Aħna, ilkoll flimkien, erġajna qed nuru b’mod ċar li nistgħu noffru futur mibni fuq l-għaqda u l-pożittività. Ħaddieħor reġa’ nqasam fl-aktar jum li suppost kien u deher magħqud,” qal Dr Abela filwaqt li innota li din il-ġimgħa l-Partit Laburista ressqu proposti b’saħħithom imsejsa fuq il-fatt li jgħinu lill-Maltin u l-Għawdxin.

“Din il-ġimgħa mbagħad reġa’ kelna l-aqwa konferma tas-suċċess tal-politika ekonomika tagħna,” qal Dr Abela filwaqt li rreferra għat-tbassir tal-qgħad li kellu jkun ta’ 50,000 persuna. Għal kuntrarju ta’ dan it-tbassir, f’Jannar li għadda l-ammont ta’ persuni bla xogħol kien nieżel saħansitra għal 1,117 – l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellu pajjiżna fl-istorja tiegħu. Qal li dak huwa r-riżultat ta’ meta jkollok Malta flimkien li tassew taħdem.

Dr Abela qal li jinsab sodisfatt li kienet ġimgħa li tatna aħbar pożittiva oħra dik li tikkonċerna l-fatt li pajjiżna ġie l-ewwel fil-lista tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.

“Ma ħarisna qatt lura u dejjem bqajna nitkellmu fuq il-futur”

Dr Abela qal li sebat’ijiem għaddew bħal leħħa ta’ berqa, iżda ħames snin huma perjodu twil. “Minn f’sebat’ijiem wera diġà biċ-ċar kif f’60 xahar ma kienx kapaċi jħejji ruħu għall-kampanja elettorali ta’ 30 jum, għiduli kif jista’ jiġi fdat biex imexxi pajjiż. B’kuntrast aħna f’sentejn iffukajna fuq kif immexxu pajjiż, f’pandemija, iżda xorta waħda ma ħarisna qatt lura u dejjem bqajna nitkellmu fuq il-futur. Ma waqafnix ukoll noħolmu kif se tkun Malta ta’ wara l-pandemija, bi pjan maħsub, serju u li jagħti serħan il-moħħ,” qal il-Prim Ministru.

Innota ukoll kif f’dan il-mument bħalissa reġa’ għandna sfida bi gwerra ġewwa l-Ewropa stess li minkejja ‘l bogħod minn xtutna, se taffettwa lilna wkoll bħala Maltin. “Huma dawn iċ-ċirkostanzi partikolari li jfakruna aktar, kemm l-għażla fit-tmexxija tal-pajjiż huma importanti. Kemm anke meta nkunu urejna li aħna pajjiż b’saħħtu, irridu nżommu tmexxija kredibbli u li toffri stabbiltà meta madwarna hawn it-taqlib. Min imexxi l-pajjiż irid ikollu proġett għalih u l-proġett tagħna huwa li nkunu gvern għan-nies kif konna waqt il-pandemija,” qal Dr Abela.

Irrefera wkoll kif f’pajjiżi oħra l-prezzijiet tad-dawl, tal-petrol u tad-dijżil tilgħin iżda pajjiżna l-prezzijiet qas żdiedu qas b’ċenteżmu wieħed. Qal li se jibqgħu jagħtu s-serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi.

Qal li l-enfasi tiegħu f’dawn il-ġimgħat li ġejjin se tkun kollha dwar il-ġejjieni u dwar kif mir-Rebbiegħa jkunu ffukati biss fuq l-implimentazzjoni tal-pjan imġedded għal pajjiżna.

Dr Abela aċċenna għar-riżenji tal-membri parlamentari tal-PN u f’dan ir-rigward qal li hekk jiġrilu minn fired pajjiż. Għal din ir-raġuni Dr Abela qal lin-nies biex ma jħalluhomx jifirdu l-pajjiż.

“Minn mitt idea wellidna elf proposta li nibtu minn fostkom”

Qal li bħala PL għandhom pjan b’elf proposta lejn il-futur ta’ pajjiżna – elf proposta li nibtu mingħand in-nies. “Se nibqgħu nkunu fostkom, fit-toroq tal-irħula u fil-pjazez għax hemm fejn nistgħu nitkellmu direttament magħkom. Aħna dan il-pjan fassalnih għan-nies u rridu nispjegawh lin-nies għax intom il-prijorità tagħna – intom li tagħmlu Tim Malta.”

Irrefera għall-proposta li jinvestu €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin għal proġetti ambjentali biex il-pajjiż isir isbaħ u aħjar. Qal li dawn is-sensiela ta’ proġetti se jkunu l-isbaħ u l-ikbar programm ambjentali li qatt kellu pajjiżna.

Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-ħaddiema u kemm huma importanti għal dan il-moviment. Għalhekk qed jipproponu mad-€90 miljun aktar fis-sena biex jagħtu aktar valur lill-ħidma tagħhom.

Tkellem ukoll dwar kif se jżommu ħaj il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Semma wkoll li bħalma jħobbu l-ħaddiema, jgħożżu wkoll lill-pensjonanti. F’dan ir-rigward, qal li jekk il-poplu jagħtuhom il-fiduċja, il-ħames snin li ġejjin se jkunu l-aktar ħames snin li fihom ikunu żiedu l-pensjonijiet fejn qed iwiegħdu d-doppju ta’ dak li għamlu fl-aħħar ħames snin. Assigura li dak li jwiegħdu, iwettquh tant li jagħtu aktar milli jwiegħdu.

Tkellem fost l-oħrajn li jgħożżu liż-żgħażagħ u għalhekk iridu jkunu magħhom biex jibnu l-ħolma tal-ewwel dar tagħhom.  Hawnhekk qed jipproponu €1,000 fis-sena għal medda ta’ għaxar snin ta’ ħlas mill-gvern tas-self tagħhom. Din tfisser għotja ta’ €10,000 oħra mal-miżuri kollha li għamlu liż-żgħażagħ u l-first time buyers kollha.

“Urejna li kapaċi niddeċiedu anke fl-ikbar mumenti ta’ pressjoni”

Assigura li fil-jiem li ġejjin se jħabbru aktar riformi importanti għax pajjiż ġust jagħti l-istess opportunità lil kulħadd. 

“Jekk temmnu li dak li jsibna fl-aħħar sentejn irridu nibqgħu nibnu fuqu, kull elezzjoni ejja niftakru li tibda xejn b’xejn. Mil-lum baqa’ 27 jum  u ma nistgħux nitilfu imqar jum wieħed minnhom biex nikkonvinċu aktar nies biex jingħaqdu magħna. Daqskemm aħna lesti nikkonvinċu, aħna lesti li nibqgħu nisimgħu wkoll kif urejna fl-aħħar xhur u ġimgħat. Urejna li kapaċi niddeċiedu anke fl-ikbar mumenti ta’ pressjoni. Iddeċiedejna kull meta kien hemm bżonn u fil-waqt u l-ħin,” qal il-Prim Ministru.

Sport