Sunday, December 22, 2024

Missier ta’ sebat itfal mixli li poġġa sikkina m’għonq martu

Aqra wkoll

Missier ta’ sebat itfal li allegatament hedded lil martu billi poġġielha sikkina m’għonqha l-Ħadd li għadda nżamm taħt arrest preventiv wara li ċaħad l-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Ir-raġel, li għandu 42 sena u li ismu mhux jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-allegata vittma u t-tfal tagħhom, kien arrestat wara rapport li sar fil-konfront tiegħu mill-mara.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00 p.m. fl-appartament tal-koppja f’Birkirkara. Huwa tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna lil martu biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħha, kif ukoll li insultaha u heddidha.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob li huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba n-natura serja tal-allegati reati kif ukoll il-fatt li għad baqa’ xhieda, inkluż l-allegata vittma, li għad iridu jixhdu.

Wara li semgħet liż-żewġ partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ċaħdet it-talba u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit mentri l-Avukati Franco Debono u Tiziana Micallef dehru għal-imputat.

Ekonomija

Sport