Thursday, April 25, 2024

Tintwera għall-ewwel darba l-karta l-bajda fil-football … peró x’inhu eżattament l-għan tagħha?

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li għadda nkitbet paġna ġdida fl-istorja tal-football hekk kif intweriet għall-ewwel darba l-karta l-bajda.

Kulħadd jaf li l-karti s-sofor u l-ħomor jintwerew bħala passi dixxiplinari waqt logħba football. 

Iżda l-karta l-bajda se tibda tintuża biex timpromwovi l-Fair Play fejn ġiet introdotta għall-ewwel darba fil-Portugall bħala parti minn sensiela ta’ inizjattivi ġodda fil-pajjiż.

Ir-referee Catarina Campos uriet il-karta waqt konfront tat-Tazza tal-Portugall tan-Nisa bejn Sporting Lisbon u Benfica f’Lisbona.

Ġara li ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, amministratur ta’ wieħed mit-timijiet li kien fuq il-bank tas-sostituti kellu bżonn attenzjoni medika b’urġenza wara li ħassu ħażin. F’dak il-mument, l-istaff mediku taż-żewġ timijiet marru jassistuh … hekk kif l-uffiċjal tal-logħba kienet pronta ħarġet il-karta l-bajda u mmirata lejn l-istaff mediku.

Dak il-ħin, ir-referee ġiet milqugħa b’ovazzjoni tremenda minn dawk kollha li kienu preżenti għal din il-partita.

L-għan ta’ din il-karta huwa biex tagħraf u tinkoraġġixxi l-Fair Play u hija mfassla biex ‘ittejjeb il-valur etiku fl-isport’.

Preċedentement, l-eks President tal-UEFA, Michel Platini, kien talab għall-introduzzjoni tal-karta bajda bħala kastig, għal nuqqas ta’ qbil, li tħalli players ħatja f’sin-bin ta’ 10 minuti.

Sport