Saturday, December 28, 2024

Missier u wliedu rritornaw lura f’darhom… il-Qorti ma tittollerax il-logħba tas-sessi

Aqra wkoll

“Il-Qorti nnifisha ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn ġenitur u ieħor, bejn omm u missier. Kull ġenitur għandu jkun konformi mal-liġi u jara fiċ-ċert li qiegħed jonora l-obbligi tiegħu, speċjalment fejn jirrigwarda l-interessi supremi tal-minuri. Ma hemm l-ebda dubju illi l-omm kellha l-obbligu illi tikkontribwixxi finanzjarjament għal uliedha. Dan l-aġir huwa deplorat minn din il-Qorti u għandu saħansitra jiġi penalizzat, hekk kif il-Qorti ma tistax tittollera tali attitudni, mhux mill-missirijiet biss iżda anke mill-ommijiet.

“Il-Qorti tenfasizza illi l-irwol tagħha fil-qadi ta’ dmirijietha huwa li tissalvagwardja l-interessi taż-żewġ partijiet, u kif ukoll illi din il-Qorti bl-ebda mod ma tittollera l-logħba tas-sessi fejn l-omm għandha dejjem tiġi megħjuna filwaqt li l-missier għandu jiġi mkasbar. Iż-żewġ ġenituri għandhom jitpoġġew fuq l-istess miżien mingħajr ma ssir l-ebda distinzjoni bejniethom waqt li dawn jiġu skrutinizzati sabiex issir ġustizzja.”

Dan iddikjaratu l-Qorti f’sentenza mogħtija fil-Qorti tal-Familja. F’dan il-każ minn affidavits ippreżentati ħareġ li l-ulied qed jgħixu mal-missier fid-dar matrimonjali u li għaddew mill-esperjenza kerha li meta rritornaw fiha sabuha litteralment għerja minn kull oġġetti. Jingħad la kien hemm platti u anke l-apparat tal-arja kkundizzjonata ttieħed. Ma’ dan imma kien hemm tbagħbis fid-dawl li jista’ jwassal għal ħruq jew xokk, u ingassa b’għoqda li ma jistgħux jagħmluha t-tfal u li kienet eżatt fuq id-dar tal-pupi tat-tifla.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha, waqt li rat kif l-omm sabet impjieg b’salarju tajjeb u baqgħet tieħu manteniment, qalet li s-somma ta’ €25,400 f’arretrati ta’ manteniment favur il-missier għandha tiġi kkunsidrata fl-ambitu ta’ likwidazzjoni tal-akkwisti fit-trattament tal-ekwiparazzjoni. 

Il-Qorti qalet li l-omm b’mod malizzjuż riedet tostor l-impjieg il-ġdid tagħhom u dan bl-intiża li tibqa’ tipperċepixxi mill-mantenimenti mogħti lilha mill-missier. Il-Qorti qalet li dan l-għemil hu wieħed qarrieqi u jekk xejn għandu jiġi penalizzat.

Dan il-każ jirrigwarda familja li kellhom tlett itfal ta’ 14-il sena, ta’ 11-il sena u ta’ 9 snin. Il-mara kienet fetħet proċeduri minħabba li l-ħajja konjugali ta’ bejn il-partijiet saret impossibbli minħabba adulterju, vjolenza, inġurji, eċċessi, theddid u swat u abbandun tad-dar matrimonjali kommessi mir-raġel fuq martu u ħtija ta’ dan iż-żwieġ tkisser irrimedjabilment.

Il-mara xehdet tgħid li kellha ddur lejn il-Qorti minħabba l-manipulazzjoni fuq it-tfal li bdiet tiskala u żżid tgħid ukoll li konxja li l-intimat se juża lil uliedhom b’mod aktar aggressiv fil-proċeduri. Tgħid li bdiet tieħu saħħitha lura wara snin ta’ torturi u abbuż mentali, emozzjonali u fiżiku meta l-Qorti ordnat li tgħix m’uliedha fid-dar matrimonjali bl-esklużjoni ta’ żewġha. Issostni li damet tittratjeni sabiex tintavola l-affidavit tagħha bit-tama li ma tkunx kostretta titfa’ ħatab fuq in-nar fl-aħjar interess tat-tfal. 

L-omm iddeskriviet l-ħajja miżżewġa bħala żmien fejn ma tantx kienu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien għax ir-raġel kien joqgħod jara t-televiżjoni. Meta kienet tgħidlu bil-kelma t-tajba, kien jirvilla u tant kienet tibża’ minnu li kienet tiżgiċċa mid-dar u tibqa’ barra għal xi siegħa sakemm jikkalma. Tgħid li meta żżewġu rrealizzat li kellu problemi psikoloġiċi kbar u ma kienx kapaċi jaffronta problema bil-kalma iżda bir-rabja u t-tkissir. Tgħid li kienet tkun trid ittemm kollox bejniethom iżda mbagħad, meta jikkalma, kien jikkonvinċiha biex tibqa’ miegħu u li kien iħobbha u kien jiktbilha l-cards, jagħtiha r-rigali u jippreparalha xi ikla speċjali. Kienet taħfirlu anke abbażi tal-fatt li kienet temmen li għandha żżomm il-kwistjonijiet ta’ bejniethom privati. 

“Għalih l-ulied kienu jfissru sagrifiċċju”

Tirrakonta li meta qaltlu li kienet ħarġet tqila, r-reazzjoni tiegħu kienet ta’ tħassib għax beża’ mill-flus jekk tieqaf taħdem iżda mbagħad maż-żmien beda jaċċetta r-realtà iżda l-attriċi tgħid li ndunat li għalih l-ulied kienu jfissru sagrifiċċji u mhux ferħ u l-bidu tal-familja tagħhom. Biex iżżomm il-familja magħquda u tagħti familja lit-tarbija li kienet ġejja, għamlet l-almu tagħha biex issalva ż-żwieġ għalkemm tgħid li ċerta li li kieku ma nqabditx tqila, kieku kienet ittemm iż-żwieġ tagħha. 

“Jien trabbejt fl-għajjat u l-inkwiet u liluliedi nrabbihom l-istess”

Maż-żmien ġew ukoll l-ulied l-oħra (li wkoll ma kienx kuntent bit-tqala għalkemm tgħid li AB kien pjanat) u l-omm tgħid li kienet tokroblu biex ma jibqax jgħajjat quddiem it-tfal iżda r-risposta tiegħu kienet tkun dejjem l-istess ‘Jien trabbejt fl-għajjat u l-inkwiet u lil uliedi nrabbihom l-istess’. Meta mbagħad kien jikkalma, kien jiddispjaċih talli għamel iżda x-xejra baqgħet jiggrava. Tgħid li lilha u lis-subien kien jużhom bħala ‘punching bag’ biex jiżvoga d-dwejjaq tiegħu b’dan li kien jieħu wkoll kura psikjatrika u jieħu l-antidepressanti għax ma kien ikun kuntent qatt u kien jara kollox ikrah u negattiv għalkemm hi baqgħet  tappoġġjah u tħobbu. 

Tirrakonta episodji ta’ vjolenza meta kienet tqila b’tarbija minnhom li tgħid li kien biss għall-fatt li l-bieba tal-gwardarobba żgiċċatlu minn idha li ma kissirhiex fuqha. Tisħaq li t-tifel  kellu xi problemi fil-kliewi u fil-fatt ġie operat ftit wara li twieled. L-omm tgħid li dan it-tifel kien ġawhra kbira għaliha u minħabba tali problema baqgħet tagħtih ħafna attenzjoni – attenzjoni li skond hi lir-raġel kienet iddejqu għax kien jgħir għal ibnu stess b’dan li r-relazzjoni tal-istess intimat u t-tife ma kienet waħda pożittiva xejn tant li kien ifittex l-attenzjoni ta’ missirijiet oħra biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ missieru. Dan baqa’ għaddej sakemm infetħu l-proċeduri ta’ separazzjoni għax hemm imbagħad ir-raġel beda jagħti l-attenzjoni lit-tifel u dan tal-aħħar ‘iġġennen’ għax fl-aħħar missieru beda jtih dak li dejjem xtaq għax qabel dan iż-żmien, lanqas kien qatt attenda xi attività tal-iskola tiegħu u lanqas għall-appuntamenti mediċi ħlief għal appuntament wieħed li t-tifel stess insista li jkollu lil missieru miegħu u meta kellu test partikolarment goff. 

It-tifel spiċċa b’ringworm f’rasu u għandu parti minn xagħru ma titlagħlux

Tispjega li preċiżament żewġt itfal ma ridhomx  u kienu traskurati minn missierhom tant li wieħed kellu ringworm f’rasu li b’konsegwenza tagħha baqa’ bi scaring f’rasu u għandu parti minn xagħru li ma titlagħlux. Tgħid li llum huwa mfejjaq però l-scarring jibqa’ hemm. 

Tgħid li kien negattiv f’kollox u ma kienx jiekol l-ikel li ssajjarlu għalkemm kienet tipprova titgħallem mingħandu iżda kien jirrifjuta li jgħallimha u kien jgħidilha li t-tisjir li tagħmillu tagħmlu apposta biex tħaxxnu ħalli l-ebda mara ma tħares lejh.  Tenfasizza li kien jikkummenta b’mod negattiv anke fuq il-mod ta’ kif tgħaddi l-ħwejjeġ tant li beda jgħaddi l-ħwejjeġ tiegħu hu stess. 

Tgħid li żewġha kien ikun irid jagħti il-phenergan lit-tfal (kalmant tat-tfal) biex ikunu jistgħu joħorġu iżda qatt ma aċċettat minkejja li dan kien iwassal għal ġlied u għawġ kbir. Ma kienx jgħannaqhom lil uliedu għax kien jgħid li mhux kapaċi però meta mbagħad infetħu l-proċeduri fil-qorti beda jgħannaqhom. 

Hi attribwixxiet it-tkissir tal-familja tagħhom lir-raġel bl-aktar mod assolut fosthom minħabba l-adulterju tiegħu, l-aspett negattiv u vjolenti tiegħu u n-nuqqas ta’ mħabba u karezzi lejn l-ulied. 

Tirrakonta li kif induna li binthom kienet kixfet lil missierha bil-fatt li l-mara kienet qed tkun id-dar tagħhom beda jsawwat lit-tifla f’wiċċha u kullimkien tant li għawwġilha n-nuċċali tal-vista u qallha li ‘This is all your fault that am hitting you’. Malli waslu d-dar ta xebgħa wkoll lill-omm, ħarbet u marret id-dar ta’ din il-mara fejn żewġha qallha biex iżżomm il-problemi tagħhom għaliha. Għalhekk l-omm marret il-Millenium Chapel u wara l-għassa ta’ San Ġiljan b’dan li l-Pulizija ssuġġeriet li tmur il-polyclinic minħabba t-tbenġil li kellha fuqha u qalulha wkoll li kienu ser jitilgħu  għalih u li kienu ser jipproteġuha imma kellha tkun hi li tiddeċiedi li tieħu l-passi. Xehdet li żewġha għamel lejl fiċ-ċella tad-Depot. Kienet ħadet ritratti tat-tbenġil li però xhur wara żewġha sab u ħassarhom minn fuq il-komputer. Tgħid li tant kellha tbenġil u gundalli li bl-ebda mod ma setgħet tagħmel it-tour li kellha tagħmel u għalhekk talbet li jmur ħaddieħor. Ingħalqet fid-dar ma’ wliedha għal madwar 3 ġimgħat għax kienet imfarrka f’kull aspett – psikoloġikament, emozzjonalment u fiżikament. 

Dwar  l-ulied l-omm tgħid li dawn tilfu t-tfulija tagħhom minħabba l-aġir ta’ żewġha u għadhom ibatu l-konsegwenzi ta’ din it-trawma. Tgħid li t-tfal kellhom bżonn l-għajnuna professjonali ta’ psikologu iżda żewġha dejjem irrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu u dwar dan kellha tirrikorri għall-awtorizazzjoni tal-Qorti permezz ta’ diversi rikorsi. 

Kont naqbadha xxomm il-ħwejjeġ għal xi fwieħa… kienet ossessjonata li hemm mara oħra

Ir-raġel fl-affidavit tiegħu jgħid li “fl-ewwel sena taż-żwieġ konna niġġieldu kontinwament għax hija mara possessiva u għajjura u min dejjem kienet taħseb ħażin fuq l-inqas ħaġa. Dan ħareġ meta bdejna ngħixu flimkien. Qbadtha diversi drabi xxomm il-ħwejjeġ tax-xogħol tiegħi għal xi fwieħa ta’ xi mara oħra. Kienet ossessjonata li hemm mara oħra u kienet iġġegħelni nħossni li minix fdat”. 

Mat-twelid tal-ewwel wild, ikkalmaw ftit l-affarijiet iżda skont l-intimat bdew fissazzjonijiet oħra: “bħal li biex tbiddel in-nappy ta’ din it-tifla kienet tispiċċa tieħu siegħa u tisloħha. Il-breast feeding kien jagħmlilha ħafna stress u kienet tiżvoga fuqi. Il-mara kienet għaddejja minn post natal depression u sfortunatament qatt ma ħadet kura għaliha għax ma ammettietx li għandha bżonn għajnuna. Kienet tagħmel kollox bi kbir u ikkumplikat. Jien kont nieħu gost ninvolvi ruħi fit-trobbija tat-tfal meta kienet tħallini, xorta qatt ma kien biżżejjed għaliha”. 

Jispjega wkoll li fit-tqala tat-tieni wild tfaċċaw problemi fil-kliewi tat-tarbija u kellu jiġi operat ġimgħat wara t-twelid. Jgħid li għalkemm għamel milli seta’ biex ikun ta’ sostenn, xorta tat it-tort lilu. Fortunatament kollox mar sew u t-tifel jgħix ħajja normali. Mat-twelid tat-tielet wild kien hemm ħafna tensjoni fid-dar. Jispjega li bdiet terfa’ jdejha fuq it-tfal għal kull ħaġa ta’ xejn. Jgħid ukoll li dejjem għamel il-parti tiegħu billi anke kien jgħin kemm jista’ fil-faċendi tad-dar. 

“Hi ma kinitx taf issajjar u kienet tiddejjaq. Billi jien naf insajjar ħafna kont nispiċċa nagħmel anki t-tisjir jien, meta hi ma kinitx taħdem. Sa ħadtha għand psikjatra minħabba il-post natal depression, imma kollu kien ta’ xejn għax hi irrifjutat li tieħu il medicina”. Jgħid li “t-tensioni kienet kbira għax hi kienet dejjem tgħid li t-tfal ħassrulha ħajjitha għax hi telqet karriera biex toqgħod tbiddel il-ħrieqi. Meta konna niġġieldu kienet dejjem tibgħatni ‘l barra u tgħidli, “Jekk ma jogħġbokx mur sib mara oħra ħa naraw tissaportikx”. 

Ir-raġel jiddeskrivi lili innifsu bħala bniedem kalm iżda xorta jgħid li l-attriċi tgħajjru “xkora nervi’’ jew biex imur isib mara oħra jekk kien imdejjaq. 

Fl-affidavit jgħid li “meta ftaħt l-ispiżerija il-mara bdiet tgħir għal kull mara li tidħol, b’mod li jien qatt ma stajt nobsor. Ovvjament fi spiżerija iktar jidħlu nisa milli irġiel. Bdew isiru vendikazzjonijiet fuqi, tant kemm bdiet tgħir. Darba niżlet ġol-ispiżerija u qalbitli l-istand tal- make-up tar-Rimmel mal-art u kissritha. Darba oħra bdiet issabbat il-shampoos mal-art ħalli il-klijenti ma jidħlux għax inkella jiżolqu – kelli innaddfu jien. Darba oħra filgħodu, tefagħtli mill-gallarija għal isfel quddiem l-ispiżerija il-ħwejjeġ kollha tiegħi u għenitni il-psikoterapista niġborhom b’mistħija kbira għalija. Darba oħra bdiet titfa’ ukoll mill-gallarija fliexken tal-alcohol, xi għoxrin wieħed, quddiem l-ispiżerija u it-tabib  kien ġej il-klinika xi siegħa wara. Dan kelli innaddfu malajr bit-tama li ma titfa’ xejn fuqi. Dawn il-vendikazzjonijiet qatt ma waqfu u l-umiljazzjoni kienet kbira ħafna għax hi kienet tgħid ix-xogħol sar iktar importanti minnha. Kienet tirreferi għall-ispiżerija il-“whore house”.

Jgħid li l-omm bdiet taħdem bħala tour leader barra minn Malta u għalhekk l-intimat jispjega li kellu jlaħħaq ma’ kollox fid-dar. L-affarijiet komplew jaggravaw b’dan li anke kienet daħħlet ċertu bruda bejniethom għax skond hu, martu ma riditx ikollha x’taqsam miegħu sesswalment. 

Jirreferi għal martu bħala narċisista

Jgħid li lanqas meta kellu inċident stradali ma kinitx ta’ support għalih għax iffissat li pprova jikkommetti suwiċidju. Jispjega li veru kien imdejjaq imma jiċħad li kellu ħsiebijiet li jneħħi ħajtu b’idejh.  

Ir-raġel jirreferi għal martu bħala narċisista u jgħid li “l-komunikazzjoni bejnietna kienet diżastru, il-ħajja sesswali wkoll u l-imħabba lejha kienet qed toqtolieli ftit ftit. Jiena rrealizzajt li ż-żwieġ kien spiċċa.” 

Fuq il-ħajja intima tagħhom ir-raġel jgħid: li “kienet tuża anke s-sess bħala arma u meta darba għidtilha li hemm problema fil-ħajja seswali irvellat u qabdet tagħti bil-ponn u li ġie f’idejha u twerżaq u tipprova tweġgħani fil-parti tiegħi għax hi ħaditha li jien kont qed ngħidilha li ma kinitx tajba fis-sodda. Fis-sess kien hemm problemi serji għax matul iż-żwieġ speċjalment minn meta bdiet issiefer hi kienet tkun trid affarijiet strambi fis-sess. Jien ma kontx naf u dan ikkonfermajthom min ritratti li sibt fuq il-komputer”. 

Jgħid li “t-tifla ta’ 14-il sena għażlet waħedħa li tmur tgħix miegħu wara li ommha tatha daqqa ta’ ponn f’nofs wiċċha fuq imneħirha u weġgħatha, apparti li għawġet in-nuċċali, f’wiċċha. Jgħid li wara digriet tal-Qorti is-subien spiċċaw miegħi ukoll għal erbat iljieli fil-ġimgħa. Il-problema kienet l-omm għax is-subien ma kienux iridu jmorru magħha il-kumplament tal-ġimgħa. Jien indunajt li xorta baqgħet issawwat it-tfal u avżajtha biex tieqaf imma din ma waqfitx. Għalhekk kelli nirrappurtaha u ħadt passi u il-Qorti aċċettat li tkellem it-tfal”. 

Jgħid li l-omm ġiet żgumbrata mid-dar matrimonjali sabiex jidħlu ir-raġel u t-tfal fid-dar u tali aħbar ma niżlitx tajjeb mal-istess omm għax ħaditha anki kontra lit-tfal. Fi kliem l-istess ir-raġel: “u mill-ispiżerija smajtha tgħid li “dawk ma humiex it-tfal tiegħi aktar”. Hi ma kinitx tiġi tiġbor it-tfal fil-ħin tal-aċċess tagħha għal aktar min 10 xhur. Mid-dar hi ħadet kollox u ħallietha inabitabbli. Jien spiċċajt kelli nerġa’ narma id-dar mill-ġdid ħalli nkun nista’ inrabbi it-tfal. Sa qalgħet l-air conditioners, l-għamara kważi kollha u anka in-nettijiet tan-nemus u dan meta hi kienet taf li jiena kont dieħel bit-tlett itfal żgħar. Ħaġa disturbanti kienet l-ingassa li ħallietha mdendla eżatt eżatt fuq id-dar tal-pupi tat-tifla (ipprovda ritratti ta’ dan). 

Ir-raġel jgħid li qabel ma telqet mid-dar il-wire tad-dawl ġie maqtugħ u tħalla jmiss kemm ikun hemm id-dawl. Ir-rapport ta’ kumpanija li tqabbdet juri li dan seta’ jikkawża xi nar jew xokk b’konsegwenzi fatali. Dan għamlitu anka meta hi kienet taf li ħa jkun hemm tlett tfal żgħar”.

Isemmi u jixhed fuq id-diżastru li sab meta l-mara ħarġet mid-dar matrimonjali “jien ma ridtx nemmen dak li rajt. Il-mara battlet id-dar minn fuq s-isfel, lanqas tazza jew platt ma ħalliet. Qalgħet saħansitra l-air conditioners. Anke in-net tan-nemus ħadet. Il-post minn ‘fully furnished’ mimli daqs bajda ġie għarwien ħuta. Kelli indaħħal it-tfal id-dar f’dan l-istat. Wieħed irid jesperjenza din it-traġedja biex jifhem dak li għaddejna minnu. Biex inġib id-dar abitabbli kien jirrikjedi ġimgħat u kelli nonfoq ħafna flus. 

Jisħaq li l-mara wriet li hi vendikattiva, għax dan ma  kienx biżżejjed imma kompliet biex tagħmel żewġ affarijiet li ma jitwemmnux li qatt jistgħu isiru minn omm. L-ewwel, li eżatt fuq id-dar tal-pupi tat-tifla għamlet ingassa, hi qalet fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2010 li għamluha t-tfal – imma meta teżamina l-għoqda tidher li saret minn bniedem adult apparti li bilfors din iddendlet b’sellum. Ma naħsibx li kienet kumbinazzjoni li d-doll house kienet iċċentrata eżatt taħt din l-ingassa tant makabra, din tindika il-mod kif taħseb marti.  It-tieni hi, li qabbdet persuna, probabbli electrician (probabbli espert fit-tbagħbis tad-dawl) li qata’ l-live tad-dawl u berfel il-wire ħalli xorta iż-żewġ naħat jagħmlu kuntatt u jgħaddi id-dawl u dan il-wire prinċipali għattewh b’biċċa sand paper li hija karta li tiflaħ għas-sħana u iddum biex tinħaraq. Issa meta il-wire ikun ivvandalizzat b’dan il-mod, dawl xorta jkun hemm u meta tixgħel l-attrezzaturi tad-dar dawn kienu jiġu maħruqa speċjalment fejn jidħlu muturi tal-elettriku bħal, fridge, airconditioner etc u apparat elettroniku ieħor, bhal TV, computer, stereo u oħrajn.  L-iktar gravi hi li meta l-wire ikun hekk kif spjegat, ikun hemm riskju kbir ta’ nar. Meta tixgħel u ttih il-load, il-wire jibda jisħon u jaħraq kull ħaġa li jkun hemm madwaru, dan ġie kkonfermat mill- electrical engineer fir-rapport tiegħu. Dan kollu sar b’intenzjoni malvaġġja għax mogħmija bil-vendetta akkost ta’ kollox għax hi kienet taf li t-tfal kienu ser ikunu preżenti, jorqdu u jqumu f’din id-dar matrimonjali”. 

Ekonomija

Sport