Monday, December 23, 2024

Missjonijiet sigrieti minn Malta

L-istorja tal-Combined Operations Pilotage Parties f’Malta 1943

Aqra wkoll

Kitba ta’ Kurt Degabriele

Kien għall-ħabta ta’ Awwissu tal-2013, meta kont qiegħed nitħaddet mal-ħabib tiegħi Alan; peress li aħna t-tnejn dilettanti kbar tal-istorja tat-Tieni Gwerra Dinjija, id-diskors waqa’ fuq jekk kienx hawn suldati Ingliżi tat-tip commandos u forsi jekk kinux joperaw minn Malta fuq xi missjonijiet militari. Kemm-il darba bħala riċerkatur tal-istorja militari u anke bħala historical re-enactor kont nittama illi xi darba nsolvi din id-dilemma storika, għaliex ftit li xejn hawn informazzjoni jew stampi, li juru dan pubblikament. Malajr wasal il-jum, li fih irnexxieli nikseb sorsi ta’ ġrajjiet relatati mal-commandos f’Malta, tant hu hekk illi qiegħed nikteb dan l-artiklu biex naqsam magħkom din l-informazzjoni tant interessanti u unika.

Il-wasla tal-COPP F’Malta

Ir-riċerka bdiet minn ktieb bl-isem ta’: The Secret Invaders, li fih kapitlu fejn jiddeskrivi kif xi suldati Ingliżi kienu qed joperaw minn Malta fl-1943, fuq missjonijiet sigrieti biex jassistu fil-pjan tal-invażjoni ta’ Sqallija, dik imlaqqma: Operation Husky. Operation Husky seħħet f’Lulju tal-1943, meta l-preparamenti kollha saru minn Malta, sabiex Sqallija tiġi lliberata mill-forzi Taljani u Nazisti, biex imbagħad l-alleati jkunu jistgħu jipproċedu b’iktar faċilità lejn l-Italja. Minn dan il- ktieb skoprejt illi dawn il-Commandos kienu jissejħu Combined Operation Pilotage Parties, fil-qasir COPPs; għalkemm dawn is-suldati kienu jissejħu Commandos, xorta waħda kienu jiffurmaw parti mir-Royal Navy. Dan l-għaliex il-persuna responsabbli għalihom, bl-isem ta’ Lieutenant Commander Nigel Clogstoun Willmot, kien uffiċjal fir-Royal Navy u ried illi x-xogħol tal-COPPs jibqa’ taħt il kappa tar-Royal Navy. Tistgħu taħsbu kif ħassejtni meta bdejt induq iktar fid-dettall dan il-kapitlu, però ftit li xejn kont naf li dan il-ktieb kien biss doża żgħira ta’ informazzjoni fuq ġrajja partikulari fl-istorja tal-COPPs f’Malta, speċjalment wara li sirt naf li jeżistu iktar sorsi ta’ informazzjoni fuq dan il-grupp militari speċjalizzat. 

Mappa li tiddeskrivi l-missjoni tal-COPP skont il-kapitlu mill-ktieb: The Secret Invaders ta’ Bill Strutton u Michael Pearson.

Xorta Waħda, qabel ma nkompli l-ġrajja ta’ kif ir-riċerka żviluppat maż-żmien, ejjew l-ewwel naraw kif il-ktieb The Secret Invaders għeni nibni l-ewwel bażi tar-riċerka tiegħi. Fil-kapitlu ta’ dan il-ktieb, ġie deskritt kif Lt. (Lieutenant) Norman Teacher, RN (Royal Navy) Commanding Officer tal-grupp COPP 3 waslu Malta fl-1943, mill-Alġerija, abbord sabmarin. Mal-wasla tagħhom Norman Teacher flimkien ma’ niesu, ittieħdu l-isptar ta’ Bighi fil-Kalkara (sptar navali) minħabba li kien hemm suspett li kellhom l-infezzjoni tal-ismall pox. Wara li t-tabib preżenti sab li ma kellhom l-ebda infezzjoni, Norman Teacher allokka lill-grupp tiegħu ġo żewġ vilel vojta f’Għajn Tuffieħa. Ix-xogħol primarju tal-COPPs kien illi jagħmlu beach survey missions fejn permezz ta’ sabmarin u kenuri, kienu jiġbru informazzjoni ġeografika ta’ bajjiet fi Sqallija.

Din l-informazzjoni kienet tintuża minn uffiċjali alleati tar-reconaissance division, biex jiġu allokati l-iktar bajjiet ideali li fihom setgħu jiżbarkaw is-suldati. Minn Għajn Tuffieha Norman Teacher u l-grupp tiegħu kienu jagħmlu stħarrig f’bajjiet fil-viċin, b’kenuri li nġabu Malta mill-Inghilterra. Irridu nżommu f’moħħna li kollox kien miżmum sigriet, minħabba li l-għadu allaħares skopra illi dawn is-suldati kienu qed jiġu mħarrġa għal dawn il-missjonijiet; saħansitra anke għodda specjalizzata li kienet top secret, inġiebet Malta minħabba li kienet qed tintuża għall-ewwel darba mill-COPPs. Waqt li kien qiegħed isir l-istħarriġ f’Malta, ġie deċiż mill-ogħla awtoritajiet Ingliżi, illi jintbagħat grupp ieħor ta’ COPPs mill-Kajr (fl-Eġittu), taħt il-kmand ta’ Lt. Bob Smith. Mal-wasla ta’ Bob Smith u l-grupp tiegħu F’Malta f’qasir żmien kellu jitkompla l-istħarriġ, l-għaliex ma damux biex ġew imsejħa għall-missjoni kruċjali fi Sqallija. Bob Smith u Normann Teacher kellhom iwettqu beach survey missions fuq bajjiet fin-Nofsinhar ta’ Sqallija  flimkien ma’ Lt. McHarg, li kellu jwettaq beach survey mission fit-Tramuntana ta’ Sqallija.

Is-Submarines HMS (His Majesty Service) Unbending, United u Unrivalled telqu minn Malta bil-commandos taħt il-kmand ta’ Norman Teacher u Bob Smith, waqt li HMS Safari telaq mill-Alġerija bil-commandos taħt il-kmand ta’ McHarg. Sfortunatament din il-missjoni kienet falliment kbir, għaliex il-membri kollha tal-COPPs intilfu jew inqabdu mill-għadu, ħlief għal żewġ suldati li b’mod kuraġġuż irnexxielhom jaqdfu tmenin kilometru lura Malta, wara li ma irnexxielhomx jiltaqgħu mas-sabmarin HMS United, biex jittieħdu lura.

Membri ta’ Malta Command WW2 Living History Group waqt rappreżentazzjoni storika ta’ Uffiċjali Navali f’lagħqa importanti ġewwa Forti St. Anglu.

Il-kapitlu f’dan il ktieb itemm l-istorja wara li dawn iż-żewġ commandos irritornaw Malta; il-ktieb ikompli jiddiskuti missjonijiet oħra tal-COPPs tull it-Tieni Gwerra barra minn xtutna. Madankollu qalbi xorta baqgħet tħabbarni li iktar informazzjoni kienet teżisti u allura rrikorrejt għal użu tal-internet biex nkompli t-tfittxija tiegħi fuq il-COPPs u r-relazzjoni tagħhom ma’ Malta. Dan irriżulta f’sejba ta’ artiklu miktub bit-Taljan minn Joseph Caruana, riċerkatur lokali; l-artiklu bl-isem ta’ Before the Invasionjiddeskrivi iktar fit-dettall dak li ġara fil-kappitlu tal-ktieb The Secret Invaders, kif wkoll joffri iktar dettall fuq x’ġara wara l-falliment ta’ din il-missjoni. Barra minn hekk irnexxieli nikseb informazzjoni fuq żewġ kotba importanti li joffru dettall impekkabbli fuq il-COPPs, il-ktieb Stealthily by Night ta’ Ian Trenowden u Survey by Starlight ta’ Ralph Neville. L-artiklu ta’ Joseph Caruana u l-ktieb ta’ Ian Trenowden kienu ta’ importanza kbira biex niċċara ħafna punti li ma stajtx nifhem mill-ewwel ktieb, tant hu hekk illi wassal biex nifhem ukoll l-importanza u l-preġju tal-ktieb Survey by Starlight ta’ Ralph Neville; però dan niddiskutuh iktar tard fl-artiklu.

Membri ta’ COPP ġo ‘folbot canoe’. Sors: Imperial War Museum collection (MH22716).

Min kienu il-COPP u kif ġew iffurmati?

Il-COPPs ġew iffurmati uffiċjalment fl-1943, wara li Nigel C. Willmott kien ilu mill-1942 jagħmel preparamenti biex il-Combined Operations Pilotage Parties jiġu meqjusa bħala diviżjoni speċjali fir-Royal Navy kif wkoll biex jingħataw stħarrig speċjali tal-commandos fl-Iskozja. Il-bażi ċentrali tal-COPPs kienet Hayling Island, gżira f’forma ta’ trijanglu fin-Nofsinhar tal-Ingilterra. Din l-gżira ntgħażlet bħala l-bażi, minħabba li kienet f’żona mwarrba tal-Ingilterra u allura ideali għal stħarriġ sigriet u anke minħabba li kien hemm ‘yacht club’ biex jintuża għall-ħażna tal-kenuri msejħa ‘folbots’. Nigel C. Willmott għamilha ċara fl-istatuti tiegħu li kull min kellu jifforma parti mill-COPPs kellu jżomm kollox sigriet u jipparteċipa fil-programm ta’ stħarrig speċjalizzat li kien jingħata lill-baħrin u lill-ufficjali navali; il-programm ta’ stħarriġ kien jinvolvi l-użu tal-kenuri u tattika ta’ reconaissance missions fl-ibħra ta’ Hayling Island, kif ukoll użu ta’ apparat speċjalizzat għall-waqt il-missjonijiet. Gruppi tal-COPPs kienu iktar jinvolvu ekwipaġġ navali, però kien hemm ukoll voluntiera li kienu ġejjin mill-army Ingliża u dik Kanadiża. Wara li ġew iffurmati l-ewwel gruppi tal-COPPs Nigel C. Willmott iddeċieda li kien wasal iż-żmien li dawn jitpoġġew għall-użu militari, u fil-fatt l-ewwel li ma ġew imsejħa l-COPPs kien biex joperaw minn Malta! Meta skoprejt li kienu ntgħażlu biex l-ewwel missjonijiet uffiċjali tagħhom jibdewhom minn Malta ħassejtni sorpriż l-għaliex jagħti iktar preġju lil din il-grajja siġrieta, tant hu hekk illi dawn is-suldati kienu ser iduqu l-ewwel azzjoni tagħhom mill-Mediterran. Kif iddiskrivejt iktar kmieni f’dan l-artiklu l-missjoni li kienet deskritta fil-ktieb: The Secret Invaders, skont ir-riċerka ta’ Joseph Caruana, din kienet l-ewwel missjoni tal-COPPs, li seħħet fis-26 ta’ Frar 1943 immexxija mill-grupp tal-COPP 3 Middle East 1,Lt. Bob Smith u Lt. David Brand; l-ewwel żewġ missjonijiet li saru minn dawn l-uffiċjali kienu falliment kbir. Fl-10 ta’ Marzu ntbagħtu żewġ commandos oħra però dawn inqabdu mill-għadu; bejn il-5 u s-6 ta’ Marzu 1943 Lt. Norman Teacher kien fuq missjoni li ma rritornax minnha u sas-6 ta’ Marzu kienu ntilfu żewġ uffiċjali oħra. Fix-xahar ta’ Marzu l-COPP 3 group Middle East 2 taħt it-tmexxija ta’ Lt. DeKock  flimkien ma’ Alfred Crossely, intilfu fi Sqallija. Missjoni oħra seħħet bejn it-8 u d-9 ta’ Marzu minn Lt Davies u Able Seamen McGuire, irriżulta li ġew maqbuda wkoll.

Lieutenant Commander Niġel Clogstoun Willmott. Sors: Stealthily by Night, Ian Trenowden.

Iktar membri ta’ COPP jaslu f’Malta

Naħseb bħalissa għaddej ħsieb f’moħħkom, tistaqsu kif dawn il-missjonijiet u l-formazzjoni tal-COPPs kienu qed jgħinu lill-alleati, wara rata għolja ta’ fallimenti u telf ta’ ekwipaġġ b’esperjenza militari u navali, f’qasir żmien? Tistgħu taħsbu l-weġgħa ta’ qalb li kellu Nigel C. Willmott wara li ra r-riżultati tal-ewwel missjonijiet minn Malta; madankollu xorta ma qatax qalbu u pozittiv ra x’għamel biex ic-COPP’s jibqgħu jiffunzjonaw. Waħda min-nuqasijiet li l-ewwel gruppi mil-lat tal-COPPs kellhom, kienet in-nuqqas ta’ ħin li ngħatalhom biex isir stħarriġ u preparamenti tajba; fil-bidu tal-1943 il-process tal-istħarriġ kien ta’ livell professjonli, però kien għadu qed jiġi żviluppat u irranġat mal-mixja taż-żmien.

Waqt li l-COPP 3 kienu għadejjin bil-missjonijiet tagħhom minn Malta, f’Ħayling Island kienu qed jiġu mħarrġa iktar gruppi ta’ commandos, din id-darba b’iktar ħin allokat għall-istħarrig; dawn kienu l-gruppi ta’ COPP 5, 6 u 7. COPP 5 kienet intgħażlet biex tinbagħat Malta u tkompli l-missjonijiet tal-beach survey missions fuq Sqallija, taħt it-tmexxija ta’ Lt. Ralph Neville. COPP 5 kellha tkompli x-xogħol fuq dak li kienu ħallew sħabhom minn COPP 3, din id-darba b’riżultati iktar promittenti.

Stħarriġ ġo waħda mill-kenuri tal-COPP, tat-tip folbot Mk1**. Ritratt ta’Jonathan Pullicino

Il-missjonijiet jaslu fi tmiemhom

Din twassalna fl-aħħar parti ta’ din il-ġrajja storika u anke fl-iktar parti eċitanti tar-riċerka, minħabba dak li semmejt iktar kmieni, dik tal-bijografija personali ta’ Ralph Neville li nkitbet fl-1949, ftit snin biss wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinijia, bl-isem ta’ Survey by Starlight. Meta bdejt it-tfittxija fuq l-internet biex nakkwista dan il-ktieb, ħafna sorsi bdew jindikaw li kopja għal dan il-ktieb kienet sarret assoluta u ma kienx fadal għall-bejgħ; kont donni qtajt qalbi nipprova meta darba għal għarrieda fetilli nidħol infittex fuq is-sit populari Ebay u b’sorpriża kbira nsib dan il-ktieb f’ħanut elettroniku fi Franza, li kien qiegħed ibigħ kotba antiki bi prezzijiet baxxi!! Tistgħu taħsbu l-ferħ li ħassejt u kemm stennejt bil-qalb il wasla ta’ dan il-ktieb f’Malta; il-kontenut u d-dettall li fih dan il-ktejjeb kienu, kif jgħidu l-Ingliżi ‘the cherry on the cake’ biex finalment nikkonkludi r-riċerka tiegħi b’suċċess. F’din l-aħħar parti tal-artiklu qed naqsam magħkom ftit mit-tpinġijiet li saru minn Ralph Neville waqt li kien qiegħed Malta, kif wkoll ftit mill-avventuri tiegħu fuq gżiritna. 

Id-Daħla tal-ktieb Survey by Starlight ta’ Ralph Neville. Sors: Kollezzjoni Privata.
Tpinġija bil-lapes tal-port ta’ Malta, fil-jum li fih Ralph Neville telaq minn Malta. Sors: Kollezzjoni Privata.

Mal-wasla tiegħu f’Malta Ralph mill-ewwel innota s-sufraġju ta’ din il-ġzira u ħassu kburi li bħala suldat Ingliż kien qiegħed iservi minn Malta. Ralph isemmi kif ingħataw villa f’Għajn Tuffieħa biex ikunu jistgħu jaħżnu l-affarijiet personali tagħhom u affarijiet oħra li kellhom bżonn għal missjonijiet fuq Sqallija, inklużi wkoll il-‘folbot’ canoes li kienu jintbagħtu ġo kaxxi mmarkati SIEGRIETI. Flimkien ma’ Ralph kien hemm wkoll kollegi bħal Jim Matthews, li kien l-inġinier tal grupp, kif wkoll ‘Duggie’ Denton li kien l-assistent tiegħu; barra minn hekk kien hemm ukoll uffiċjal ieħor bl-isem ta ‘Bill’ White u anke l-baħri Thompson. Biex jivvjaġġaw fuq il-gżira kellhom mutur militari, speċjalment biex ikunu jistgħu jżuru l-Belt Valletta u anke x-Xatt ta’ Tas-Sliema, minn fejn kienu jsalpaw is-sabmarins għal-missjonijiet navali. Darba minnhom Ralph u l-kollega tiegħu Matt kienu qed jivvjaġġaw lejn Il-Belt Valletta biex imorru jiltaqgħu mal-Kaptan li kien responsabbli biex jinfurmahom meta kienu ser jitilqu fuq missjoni. Fil-kitba tiegħu Ralph iddeskriva l-atmosfera Maltija bħala waħda Biblika, hekk kif għaddew minn ħafna żoni ta’ għelieqi, qabel ma waslu għall-villaġġ ta’ San Pawl. Għalih Malta kienet mimlija b’ħafna villaġġi kwieti; mal-wasla tagħhom fil-Mosta, li kienet imsemmija għall-knisja b’waħda mill-ikbar koppli fid-dinja (hekk iddeskriviha fil-kitba tiegħu), Ralph iltaqa’ ma’ xenarju tipiku Malti ta’ dak iż-żmien; klieb u tfal jiġru barra kif ukoll nisa Maltin libsin l-iswed u l-għonnella. Wara li ħadu xarba friska mill-Belt Valletta, irħewlha għall-bażi tas-sabmarins fix-xatt ta’ Tas-Sliema biex jitħaddtu mal-Kaptan. Biex ma ntawwalx ħafna, l-għaliex inkella ma ninkonkludi qatt, minħabba l-ammont ta’ dettall li fih il-ktieb, Ralph jaqsam ħafna iktar esperjenzi interessanti waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, fosthom ukoll meta darba kien ma’ sħabu fil-Belt Valletta u għajnejh waqgħu fuq tfajla Maltija li kienet xempju tas-sbuħija. Ralph Neville kellu serata soċjevoli ħafna mat-tfajla Maltija tant hu hekk illi xtaq jerġa’ jiltaqa’ magħha l-għada. Sfortunatament għalih, kollox tar mar-riħ l-għaliex wara żmien ta’ stennija l-jum kien wasal li t-temp fil-Mediterran kien ser jkun tajjeb għall-missjoni fuq Sqallija. Il-vjaġġi lejn Sqallija xejn ma kienu jkunu pjaċevoli, dejjem kien ikun hemm xi ħaġa tikkumbatti kontrik. Jekk ma kinetx tkun xi mewġa waqt li kont tkun qed taqdef fil-kenura jew sħana umduża fis-sabmarin, kont issib xi bastiment Taljan għassa lest biex jattakka xi sabmarin Ingliż li jinnaviga fiż-żona tagħhom. 

Uffiċjali u baħħara navali Ingliżi jiddiskutu l-użu u l-għamla tal-kenura Mk1**. Ritratt ta’ Mario Mifsud.
COPP waqt stħarrig tal-‘Combined Operations’. Ritratt ta: Jonathan Pullicino

Ralph jisħaq li t-temp kien ta’ importanza kbira minħabba li l-kenura setgħet tintuża biss f’baħar kalm u kemm jista’ jkun f’viżibiltà tajba matul il-lejl; waqt li persuna taqdef, il-persuna l-oħra kienet tgħum sax-xatt taħt id-dawl tal-qamar u fi dlam taqtgħu b’sikkina kien iqatta’ xi tliet jew erba’ sigħat jiġbor informazzjoni viżiva minn fuq il-bajja. Tistgħu taħsbu s-sogru u r-riskju li kienu qed jgħaddu minnu dawn is-suldati, tant hu hekk illi Ralph jgħid li missjonijiet bħal dawn kellhom impatt mentali kbir fuq il-grupp kollu. Kien hemm drabi meta kienu jiżgiċċaw l-għadu li kien ikun preżenti fuq il-bajja; kienu jkunu tant viċin, li l-commandos setgħu jidentifikaw jekk is-suldati kinux Taljani jew Ġermaniżi. Kien hemm mumenti li wara li kien jitlesta beach survey, u l-persuna responsabbli għalih kienet tirritorna fil-kenura, iż-żewġ commandos kienu jsibuha diffiċli biex jerġgħu jiltaqgħu mas-sabmarin biex joħodhom lura Malta; tista’ tgħid li kienu jgħaddu minn fażijiet ta’ taqtigħ il-qalb. Ralph jirrakkonta episodju meta darba minnhom mewġa għal naqra ma qalbithomx ta’ taħt fuq għal għarrieda, tant hu hekk illi xi drabi kienu jwettqu Beach Survey missions mill-periskopju tas-sabmarin, billi jersqu viċin il-kosta tal-għadu u jiffrankaw milli jużaw il-kenuri, proċedura xejn facli. Wara li nġabret biżżejjed informazzjoni fuq il-bajjjiet Sqallin u kien wasal iż-żmien biex isseħħ l-invażjoni ta’ Sqallija, il-COPP 5 kienet ingħatat ir-responsabiltà li permezz ta’apparat speċjali, tidderieġi vapuri u barkuni bis-suldat, lejn id-direzzjoni ta’ żbarkar għal fuq il-bajjiet. Mat-tmien ta’ Operation Husky, Ralph Neville ġie msejjaħ fl-Alġerija, biex ikompli l-karriera militari tiegħu minn hemm; Il-Combined Operations Pilotage Parties baqgħu joperaw b’suċċess kbir fuq ħafna fruntieri, inkluż fl-Ewropa waqt il-famuża D-Day (Fl-1944) u anke fl-Asja, kontra l-Ġappuniżi.

Grupp COPP 5 F’Hayling Island wara li tlesta t-taħriġ kollu. Ralph Neville jinsab bil-wieqfa fin-nofs tal-grupp. Sors: Stealthily by Night: Ian Trenowden.

Madankollu Ralph Neville u ħafna commandos oħra għexu biex jirrakkontaw l-istejjer tagħhom u jaqsmu din l-informazzjoni, bħalma jiena qed nagħmel f’dan l-artiklu. Bi pjaċir kbir nikkonkludi billi ngħid illi din ir-riċerka u informazzjoni ħa tigi rrappreżentata mill-grupp storiku ‘Malta Command WW2 Living History Group Malta’ waqt attivita kulturali, fit-12 ta’ Diċembru ġewwa Forti St. Anġlu (Ħeritage Malta), fil-Birgu. Il-ħinijiet ta’ din l-attivita huma mis-10:30 ta’ filgħodu sa 12:30 ta’ wara nofsinhar. Il-grupp Malta Command ġie stabbilit fl-2006 u jispeċjalizza f’riċerka fuq It-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta u anke Mediterranja. Tistgħu tiksbu iktar informazzjoni billi żżuru s-sit: www.maltacommand.com jew inkella il-paġna tal-Facebook/Instagram.

Membri ta’ Malta Command WW2 Living History Group b’ritratt ta’raprezentazzjoni tal-COPP F’Malta, fl-1943.
Ekonomija

Sport