Wednesday, December 25, 2024

MISTENNI BUDGET IEĦOR TA’ SOSTENN GĦALL-POPLU

Aqra wkoll

Kif inhu mistenni, il-budget li se jressaq illum il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għas-sena li ġejja, se jkun wieħed li jkompli jħabbar il-politika fiskali ta’ dan il-Gvern u kull miżura li se tittieħed mill-Gvern se tkun sostenibbli. Għaldaqstant f’dan il-budget huwa ttamat li dan jerġa’ jkun wieħed sinifikanti għall-qasam soċjali. Qasam li dejjem ikollu l-ogħla allokazzjoni fih għax jinkludi l-benefiċċji u l-għajnuna soċjali kollha kemm huma.

Issa li l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti kollha ppreżentaw il-proposti tagħhom, huwa misteni li l-budget jinkludi l-aħjar fost il-proposti. Fosthom dik tal-General Workers’ Union, li l-pajjiż jibni viżjoni u pjan ħolistiku f’diversi oqsma għas-snin li ġejjin. Viżjoni li fiha kulħadd irid ikun parteċipi biex ir-riżultati aħħari jkun wieħed li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar matul is-snin.

Bħala ġurnal ta’ trejdunjin, aħna nistennew li dan il-budget jikkonsidra bis-serjetà l-proposta li ressqet il-GWU dwar is-sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi trejdunjin tal-għażla tagħhom. Din il-proposta ma waqgħetx mis-sema imma l-unjin għamlitha għax konxja tal-abbużi u l-isfruttament ta’ ħaddiema, Maltin u barranin, li għadhom iseħħu f’diversi postijiet tax-xogħol.

Nifhmu li dan il-budget se jinkludi l-faxex kollha tas-soċjetà. Dan qed ngħiduh għaliex hemm min se jibbenefika mit-tnaqqis fit-taxxi daqskemm hemm ukoll min se jgawdi mix-xibka soċjali li ssaħħet matul dawn l-aħħar snin. Fi ftit kliem nemmnu li dan il-budget se jkompli jibni l-infrastruttura tat-tajjeb li diġà sar biex il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi tkompli miexja ‘l quddiem u għada jkun aħjar mil-lum u mill-bieraħ.

Il-budgets li ġew preżentati f’dawn l-aħħar snin, wieħed wara l-ieħor, biddlu għalkollox in-narrattiva u l-perċezzjoni tal-poplu. Fejn sa ftit snin ilu, il-poplu kien jistaqsi x’se jittiħidlu, illum qed isaqsi x’se jingħata. Dan kollu huwa dovut għall-klima politika stabbli u għar-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna li kompliet tikber minn sena għall-oħra.

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li l-budget li se jitressaq illum se jkun ieħor fil-kullana ta’ inizjattivi u miżuri soċjali u ekonomiċi li dan il-Gvern għaraf iressaq ‘il quddiem għall-ġid ta’ kulħadd. Aħna konvinti li dan il-budget se jagħti opportunità li tiġi mfissra l-viżjoni 2050 li se tkun qed tiffoka fuq direzzjoni strateġika ta’ kwalità.

Ekonomija

Sport