It-turiżmu jibqa’ pilastru ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Sena wara l-oħra qed jibqgħu jiġu reġistrati riżultati mill-aktar pożittivi mhux biss fil-wasliet tat-turisti imma wkoll f’dik li hija nefqa u l-iljieli mqattgħin f’pajjiżna.
Din hija xejra li għandna għax nifhmu li se nkunu qed nerġgħu narawha bin-numri li se jitħabbru fis-sigħat li ġejjin dwar it-turiżmu f’Malta fl-2024.
Lil hinn minn dan, ir-realtajiet tal-lum jirrikjedu li l-kejl tas-suċċess fit-turiżmu jmur oltre mill-volumi u n-numri. Illum id-diskussjoni m’għadhiex biss dwar jekk hux ġejjin turisti. Imma x’tip ta’ turisti rridu.
Illum għandna l-lussu li nagħżlu mhux kemm ġejjin ammonti ta’ turisti, imma x’tip ta’ viżitatur irridu xi profil iġorru magħhom. Dan kollu nistgħu nagħmluh għaliex inkisbu riżultati sbieħ f’dan is-settur fl-aħħar snin.
B’dan kollu f’moħħna, għandna din l-opportunità li nieħdu t-turiżmu fil-livell li jmiss, bl-enfasi fuq il-kwalità fis-servizz offrut. Il-Gvern qiegħed jaħdem f’din id-direzzjoni anke bl-introduzzjoni tal-iskills card fl-industrija tal-ospitalità u tal-catering.
Għalhekk, irridu nibqgħu nkunu destinazzjoni ta’ kwalità li tagħti valur għall-flus, fejn nagħtu lit-turist dak li qed jistenna għall-flus li jħallas. Wara kollox, turist kuntent, jerġa’ jiġi f’pajjiżna u anke jirrakkomanda pajjiżna lil oħrajn.
F’dan l-isfond, il-ħtieġa ta’ aktar aġġornament fil-prodott turistiku tagħna għandha tibqa’ hemm u dan sabiex is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri. Nemmnu li dan huwa essenzjali anke meta wieħed iżomm f’moħħu l-ambizzjonijiet li għandu l-Gvern fosthom li joffri settur turistiku ta’ eċċellenza.
Kruċjali tibqa’ wkoll il-ħidma biex titkattar iżjed il-konnettività bl-ajru, li tgħin biex tmexxi ’l quddiem il-kummerċ u t-turiżmu kif ukoll biex jitkabbru l-iskambji edukattivi u l-innovazzjoni. Proprju dwar dan, fil-ġimgħat li għaddew smajna bl-aħbar li l-Qatar Airways se tibda topera erba’ titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u l-Qatar minn Lulju li ġej.
Titjiriet li se jikkontribwixxu għall-ekonomiji taż-żewġ pajjiżi. Ninsabu ottimisti għalhekk li din is-sena se terġa’ tkun sena oħra b’saħħitha f’dan is-settur, kif kollox qiegħed jindika li kienet is-sena 2024.